Lokali

KONFERMATA: L-ebda fuel wara l-għeluq tal-pompi fis-sitta

­

F’laqgħa twila bejn is-sidien tal-pompi tal-petrol u l-GRTU ġie deċiż li b’effett mit-Tlieta filgħaxija, wieħed mhux se jkun jista’ jinqeda għall-fuels ladarba l-pompi jagħlqu fis-6pm.

Dan ifisser li l-klijenti mhux se jkunu jistgħu jixtru petrol u diesel bis-sistema awtomatika ta’ filgħaxija. Id-deċiżjoni ttieħdet bi qbil bejn il-GRTU u s-sidien, hekk kif s’issa il-Gvern baqa’ jħallihom fl-għama dwar it-talbiet li ilhom is-snin li għamlulu.

Dan filwaqt li tħabbar ukoll li l-ħlas tal-liċenzji tal-pompi tal-petrol lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma ser ikunu qed jinżammu.

It-tmexxija tal-GRTU spjegat lil NET News li din id-deċiżjoni se tibqa’ fis-seħħ sakemm il-Gvern jieħu xi forma ta’ azzjoni u jaċċetta li jiltaqa’ mal-union u mhux eskluż li jiżdiedu.

Fil-ġimgħat li għaddew is-sidien sabu ruħhom f’sitwazzjoni diffiċli, hekk kif huma mistennija jagħmlu titjib fil-pompi tagħhom biex jilħqu l-istandards mitluba mill-Awtorità għar-Riżorsu u l-Ambjent sas-sena d-dieħla.

Is-sidien tal-pompi tal-petrol qed isostnu li l-ispiża għax-xogħlijiet meħtieġa fuq pompa tal-petrol ta’ daqs medju hi mill-anqas nofs mlijun ewro, bl-ispejjeż għal pompi akbar tila’ ferm aktar.

Is-sidien tal-pompi tal-petrol ilhom 9 snin – minn żmien Gvern Nazzjonalista – ma jieħdu żieda fil-qligħ tagħhom mill-fuel u għalhekk qed jinsistu li l-Gvern jista jżid il-qligħ tagħhom mingħajr ma jgħolli l-prezzijiet għall-konsumatur.