Ewropa Internazzjonali

May tipprova ssalva l-ftehim gtal-Brexit

Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May, it-Tnejn irritornat lura l-Parlament bil-pjani biex ikun hemm żblokk fil-kriżi tal-Brexit. Dan hekk kif ġimgħa ilu, il-Parlament ivvo-ta kontra l-ftehim li kienet laħqet mal-Unjoni Ewropea għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Ħruġ li hu skedat li jsir fid-29 ta’ Marzu li ġej.

Wara laqgħat li kellha fi tmiem il-ġimgħa mal-membri tal-Kabinett tagħha, May ippreżentat dak li qed jissejjaħ Pjan B, li jiffoka ħafna fuq l-Irlanda ta’ Fuq u dak magħruf bħala l-backstop, assigurazazjoni li jevita ritorn għal fruntiera mar-Repubblika tal-Irlanda.

Dawk favur il-Brexit fi ħdan il-Partit Konservattiv li tmexxi May, kif ukoll l-alleati tad-Democratic Unionist Party mill-Irlanda ta’ Fuq u li fuqhom hija tiddependi għall-maġġoranza fil-Parlament, iridu li May teli-mina għalkollox il-backstop jew inkella jkun hemm limitu ta’ żmien biex ir-Renju Unit ma jibqax fi ħdan ir-regoli tal-Unjoni Ewropea għal żmien indefinit.

May qalet li bil-mod kif qed jimxu l-affarijiet fil-Parlament kien ċar li l-andament tal-affarijiet rigward il-Brexit kellhom jinbidlu u kienet se tkun qed tagħmel dan fil-ġranet li ġejjin. May ħabbret ukoll li l-65 Lira Sterlina li riedu jħallsu dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jridu jibqgħu fil-pajjiż wara l-Brexit se titneħħa u dawk li diġà ħallsu se jingħataw il-flus lura. May kellha wkoll kliem iebes fil-konfront ta’ Jeremy Corbyn, il-kap tal-Partit Laburista, li qed jirrifjuta li jitkellem magħ-ha rigward il-Brexit. Il-Prim Ministru Ingliż qalet li issa kienet se tmur lura lejn Brussell bil-proposti li ngħatat mit-taħditiet li kellha mal-partijiet konċernati fir-Renju Unit u tirreferi dak li jridu. Hija qalet li issa l-Parlament kien se jivvota fuq il-proposti l-ġodda fid-29 ta’ Jannar.

Min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea dejjem insistiet li l-ftehim li hemm hu l-uniku wieħed li seta’ jintlaħaq u ma jistax ikun negozjat mill-ġdid. May ilbieraħ eskludiet il-possibbiltà li l-Brexit jiġi pospost. Dan għaliex qalet li ma kien hemm ebda garanzija li dan kien se jwassal għal ftehim u kien imur kontra r-riżultat tar-referendum li fih in-nies ivvutaw għall-Brexit.