Sport Sport Ieħor

Novak Djokovic jitħabat iżda jgħaddi għall-kwarti tal-finali

(Ritratt: EPA)

Is-sid numru wieħed tad-dinja Novak Djokovic avvanza għall-kwarti tal-finali tal-Open tal-Awstralja għall-ewwel darba mill-2016 b’rebħa missielta kontra Daniil Medvedev. Is-Serb ta’ 31 sena rebaħ 6-4, 6-7, 6-2, 6-3 u kellu bżonn tliet sigħat u 15-il minuta.

Medvedev li għandu 22 sena, patta qares hekk kif ħa biss żewġ punti minn disa’ break points. Ir-reżistenza tiegħu kompliet sat-tmiem meta salva żewġ match points qabel Djokovic rebaħ it-tielet set.

B’hekk hu baqa’ b’ċans li jaqbeż lil Roy Emerson u Roger Federer u jsir l-aktar tennist li rebaħ l-Open tal-Awstralja. Mal-aħħar tmienja, Djokovic jilgħab kontra Kei Nishikori wara li l-Ġappuniż għeleb lill-Ispanjol Pablo Carreno Busta f’ċirkustanzi kontroversjali f’logħba ta’ ħames sigħat li kienet deċiża minn tie-break mill-aqwa.

Hu avvanza wara li rebaħ 6-7, 4-6, 7-6, 6-4, 7-6. Is-sid numru tmienja rkupra minn żewġ sets minn taħt. Nishikori kien 8-5 minn taħt fit-tie-break deċiżiv u kiseb ħames punti konsekuttivi biex kiseb ir-rebħa. Il-logħba ntemmet b’kontroversja hekk kif Carreno Busta ħalla l-court jgħajjat lejn l-umpire wara li ħass li l-punt meta kien 8-5 kellu jerġa’ jintlagħab. Iżda hu talab apoloġija wara l-logħba.

Is-sid numru erbgħa tad-dinja Alexander Zverev kien megħlub mill-Kanadiż Milos Raonic f’dik li titqies bħala sorpriża hekk kif il-Ġermaniż kien meqjus bħala sfidant għat-titlu. Raonic jisfida lill-Franċiż Lucas Pouille li għeleb lil Borna Coric 7-6, 4-6, 5-7, 6-7.