Lokali Saħħa

Tifel imut fl-isptar bil-meninġite iżda “l-ebda lok ta’ allarm”

Qed jittieħed b’serjeta’ kbira l-każ ta’ tifel ta’ 4 snin li miet fl-Isptar Mater Dei nhar il-Ħadd wara li ddaħħal b’urġenza minħabba l-meninġite.

Net News tkellem ma’ persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa li spjegawlna li f’dan il-każ partikolari, it-tip ta’ meninġite ma titteħidx u għalhekk m’hemmx lok ta’ allarm.

Skont rapporti fil-midja, fl-aħħar sigħat uffiċjali tad-Dipartiment għal Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard marru fl-iskola fejn kien jattendi dan it-tifel bl-iskop li jinfurmaw lit-tfal u l-ġenituri l-oħra dwar din il-marda.

L-ITU f’Mater Dei tinħasad bil-mewt ta’ dan it-tifel

Tobba u infermieri nhar il-Ħadd li għadda spiċċaw jibku ma’ familjari ta’ tifel ta’ erba’ snin li tilef il-ġlieda mal-mikrobu tal-meningite.

Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit fissrulna li dawn kienu xeni diffiċli ħafna biex xi ħadd jiddeskrivihom hekk kif waqfet għal kollox tħabbat il-qalb ta’ dan it-tifel li fil-jiem li ġejjin kien se jagħlaq ħames snin.

“Bosta hawnhekk jitilfu ħajjithom wara xi inċident jew kawża ta’ xi kundizzjoni oħra, iżda dik li tifel ta’ erba’ snin jintlaqat minn mikrobu kattiv u dan jirbaħlu hi kiefra ħafna. Hu għalhekk kemm tobba u anki infermieri spiċċaw huma wkoll jibku flimkien mal-ġenituri u l-familjari ta’ dan l-anġlu,” qaltilna persuna li sservi fl-ITU tal-Isptar Mater Dei.

Jidher li t-tfajjel li miet nhar il-Ħadd filgħodu kien iddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei xi jiem qabel. Minn dawk l-ewwel mument kien magħruf li l-kundizzjoni tiegħu kienet waħda diffiċli u kritika ħafna. Sfortunatament minkejja li sar dak kollu possibbli biex tkun salvata l-ħajja ta’ dan it-tifel, il-mikrobu baqa’ ma ċediex.