Lokali

VOX POP: Id-Deputati tal-Gvern Laburista bi tweġibiet kontrastanti

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikompli jaħrab mill-kontroversja dwar l-art f’San Ġiljan li minn valur ta’ €800 miljun ingħatat biss għal madwar €50 miljun lill-Grupp Corinthia biex fuqha jsir żvilupp li jinkludi wkoll numru ta’ torrijiet.

Il-Ħadd, il-ġurnali lokali rrappurtaw li numru ta’ Deputati tal-Gvern Laburista qed jagħmlu pressjoni fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat biex il-ftehim li ffirma l-Ministru Konrad Mizzi jinbidel qabel jgħaddi għall-vot.

Fl-istess jum li ħarġu dawn ir-rapporti, waqt l-attività tal-Ħadd il-Prim Ministru Joseph Muscat ħarab għalkollox milli jitkellem dwar il-kwistjoni jew jiċħad dawn ir-rapporti li dehru fil-ġurnal Illum.

U fi sforz biex ikompli jaħrab minn din il-kwistjoni, meta ffaċċjat minn dan l-istazzjon, il-Prim Ministru lanqas biss ta ċans li ngħidulu fuq xiex qed nitkellmu … u baqa’ dieħel ‘il ġewwa fil-Parlament.

Iżda mir-risposti tad-Deputati ta’ Joseph Muscat stess hu evidenti li dawn mhux ilkoll komdi bil-ftehim kif sar mill-Ministru Konrad Mizzi u r-risposti tagħhom huma kontrastanti.

Mir-risposti joħroġ biċ-ċar li hemm deputati Laburisti li biex isir l-investiment, akkost ta’ kollox, saħansitra jaqblu li l-art tal-poplu tingħata b’xejn.

Hemm oħrajn li skomdi, lanqas biss waqfu biex ituna kumment u lanqas iħossuhom komdi jgħidu jaqblux jew le ma’ dan il-ftehim.

Għal oħrajn, bħall-Ministru Josè Herrera, lanqas biss jimpurtahom tant li ammetta li ma jafx kif inhu l-ftehim imma se jivvota kif jgħidu l-whip Laburista.

Dan waqt li kien hemm min qalilna wkoll li l-ftehim mhux lest u allura jixhed it-tama tiegħu li jkun hemm tibdil.

Għall-kuntrarju, l-opinjoni tal-Oppożizzjoni hi waħda w ugwali ma dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia – il-Partit Nazzjonalista hu favur l-investiment iżda dan mhux akkost li art tal-poplu Malti u Għawdxi titqassam bix-xejn biex igawdu l-ftit magħżula.