Sport Sport Ieħor

Williams tkompli tiddomina d-dwell ma’ Halep u tgħaddi mal-aħħar tmienja tal-Open tal-Awstralja

(Ritratt: EPA)

Serena Williams rebħet id-dwell mas-sid numru wieħed Simona Halep hekk kif rebħet 6-1, 4-6, 6-4 u kkonfermat għaliex hi waħda mill-favoriti li tirbaħ l-Open tal-Awstralja. L-Amerikana ta’ 37 sena ddominat l-ewwel set li rebħet f’20 minuta li kien importanti biex għolla l-moral ta’ Williams.

Halep irkuprat fit-tieni set u sfurzat it-tielet set. Williams li hi s-sid numru 16, salvat tliet break points u għamlet l-iskor 3-3 fis-set deċiżiv, b’Williams tirbaħ il-logħba li jmiss biex ħadet kontroll. It-23 darba rebbieħa ta’ Grand Slam żammet is-service biex qorbot lejn ir-rebħa u għalqet il-konfront f’siegħa u 47 minuta meta kellha s-service fl-10 logħba tat-tielet set.

Williams li qed tfittex l-ewwel rebħ ta’ Grand Slam minn meta welldet is-sena l-oħra, issa rebħet disa’ mill-għaxar konfronti kontra Halep. Hi se tkun qed tilgħab fil-kwarti tal-finali kontra ċ-Ċeka Karolina Pliskova li għelbet lid-dartbejn rebbieħa ta’ Grand Slam Garbine Muguruza 6-3, 6-1.

Ir-rebbieħa tal-Open tal-Istati Uniti Naomi Osaka dawret telfa f’rebħa biex għelbet lil Anastasija Sevastova. Il-Ġappuniża rebħet 4-6, 6-3, 6-4 biex mal-aħħar tmienja se tilgħab kontra Elina Svitolina. L-Ukrena rebħet 6-2, 1-6, 6-1 f’konfront kontra l-Amerikana Madison Keys. Kemm Svitolina u Osaka lagħbu tliet sets fl-aħħar żewġ partiti tagħhom.

Svitolina kisret darbtejn is-service biex ħadet l-ewwel set iżda Keys rebħet ħames logħbiet konsekuttivi u laqtet 16-il winner hekk kif iddominat it-tieni set. L-Ukrena rnexxielha tgħaddi minn ħames break points f’logħba ta’ 16-il minuta fit-tielet set, qabel għalqet il-konfront.