Internazzjonali

Franza urtata għall-kummenti tal-Italja dwar ‘l-isfruttament tal-Afrika’

Luigi Di Maio

It-Tmexxija ta’ Franza bagħtet għall-ambaxxatriċi Taljana (f’Pariġi) wara li l-Viċi-Prim Ministru tal-Italja, Luigi di Maio, akkuża lill-Franċiżi dwar ‘l-isfruttament tal-Afrika’ kif ukoll bħala ‘xprun għall-immigrazzjoni’.

Di Maio, jiem ilu, kien sejjaħ biex l-Unjoni Ewropea timponi s-sanzjonijiet għal Franza minħabba l-politika ta’ Pariġi fl-Afrika u fejn tenna li ‘Franza ma waqfet qatt bil-kolonjalizzazzjoni ta’ għexieren ta’ Stati Afrikani’.

It-Tmexxija populista tal-Italja fl-aħħar xhur kellha diversi konfronti ma’ Franza fuq issues bħall-immigrazzjoni, il-kultura u dimostrazzjonijiet. It-tensjoni bejn Ruma u Pariġi ilha evidenti mindu l-Partit tal-Lega u l-Moviment Cinque Stelle ħadu l-poter fl-Italja fl-2011. Ħafna mit-tensjoni tikkonċerna l-immigrazzjoni, bil-pajjiżi jitlewmu dwar il-fatt li Franza bagħtet l-immigranti lura mill-fruntiera Taljana tat-Tramuntana.

Meta Franza kritikat lill-Italja talli rrifjutat il-permess lill-bastimenti bl-immigranti ( salvati mill-Mediterran) biex jidħlu fil-portijiet tagħha, l-Italja akkużat lill-Franċiżi ‘talli ma riedux jaċċettaw l-immigranti’. It-tilwim infirex għal setturi oħrajn, b’Di Maio, il-kap ta’ Cinque Stelle, iħeġġeġ lid-dimostranti Franċiżi li qegħdin jipprotestaw kontra l-Gvern tal-President Franċiż, Emmanuel Macron, biex ma jaqtgħux qalbhom. Di Maio qal ukoll li ‘l-Italja kienet se tagħti lid-dimostranti l-appoġġ li jeħtieġu’.

Fost il-kummenti tiegħu, Di Maio qal ‘li kieku ma kenitx għall-Afrika, Franza kienet tispiċċa fil-ħmistax il-post ( minflok mal-ewwel sitta) fil-lista tal-akbar ekonomiji tad-dinja – bil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Franċiż, fl-aħħar sigħat, jibgħat għall-Ambaxxatur tal-Italja, Teresa Castaldo, biex jiddiskuti s-sitwazzjoni magħha.

Is-sorsi diplomatiċi Franċiżi fissru r-rimarki ta’ Di Maio bħala ‘ostili u bla ġustifikazzjoni meta wieħed iqis is-sħubija tal-Italja u Franza fl-Unjoni Ewropea’.

Iżda Di Maio – li hu wkoll il-Ministru Taljan għax-Xogħol u l-Ekonomija — ma deherx li ddispjaċih għall-kummenti u akkuża lil Franza b’li qed timmanipula l-ekonomiji tal-Istati Afrikani li jużaw is-CFA franc – kambju mill-era kolonjali li hi appoġġjata mit-Teżor ta’ Pariġi.

Hu tenna li ‘jekk l-Ewropa trid turi l-vera kuraġġ, teħtieġ li tikkonfronta l-kwistjoni tad-dekolonizzazzjoni fl-Afrika’. Dan waqt li l-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Salvini, irrefera għal Franza bħala ‘waħda mill-pajjiżi li qed jisirqu l-ġid tal-Afrikani’.

Salvini kompla l-gwerra bil-kliem ma’ Franza meta qal li Pariġi mhix taħseb biex twassal għall-kalma u l-istabbilità fil-Libja ‘minħabba li l-interessi li għandha fis-settur tal-enerġija u li qed jagħmluha rivali tal-Italja minn dan l-aspett’. Il-Gvern u l-Uffiċċju tal-Presidenza ta’ Franza naqsu milli jwieġbu għal dan immedjatament.