Futbol Sport

Il-partitarji jistennew jekk il-logħba hux se tintlagħab mill-ġdid

(Ritratt: Joseph Galea)

Illum wara nofsinhar, Hibernians daħħlu protest fl-uffiċini tal-Malta Football Association f’Ta’ Qali wara t-telfa ta’ 2-1 tal-Ħadd li għadda kontra Valletta. Il-protest hu dwar dak li seħħ qabel tmiem l-ewwel taqsima f’dak li qed jirreferu li hu żball tekninku tar-referee Philip Farrugia.

Il-Pawlisti lmentaw li r-referee tal-logħba saffar tmiem l-ewwel taqsima ftit sekondi qabel iż-żewġ minuti li hu kien ordna bħala ħin miżjud. Dan meta Hibernians kienu qabdu d-difiża Beltija fuq kontrattakk u meta Taylon Marcolino deher li kien f’pożizzjoni ta’ vantaġġ f’nofs il-grawnd. Konsegwenza tat-tisfira finali, Hibernians ma setgħux ikomplu b’attakk perikoluż li potenzjalment seta’ jagħmel l-iskor 2-0.

Fil-programm Replay Ikompli tat-Tnejn filgħaxija fuq Net FM, it-Team Manager ta’ Hibernians Jesmond Abela kien ta x’jifhem li Hibernians kienu se jipprotestaw hekk kif ma ċaħadx dan. Huma qed jargumentaw li d-deċiżjoni tar-referee wasslet għal ksur fir-Regoli tal-Logħba.