Internazzjonali

It-Turkija tippjana investigazzjoni internazzjonali dwar l-omiċidju tal-ġurnalista Khashoggi

Jamal Khashoggi

It-Turkija qed tippjana biex tibda investigazzjoni internazzjonali dwar il-qtil tal-ġurnalista Sawdi Jamal Khashoggi filwaqt li beħsiebha tieħu ‘aktar passi’ f’dan ir-rigward matul il-jiem li ġejjin.

Dan qalu l-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, Jamal Khashoggi, meta t-Turkija diġà qalet, qabel, li kienet qed taħdem ma’ pajjiżi oħrajn dwar l-investigazzjoni tal-omiċidju. L-awtoritajiet f’Ankara anki akkużaw lill-Arabja Sawdija b’li ma kooperatx daqskemm suppost biex isiru magħrufa d-dettalji ‘u l-verità’ wara l-qtil tal-ġurnalista.

Khashoggi — artikolista għall-Washington Post (u residenti fl-Istati Uniti) li kien kritiku qalil tal-Prinċep Sawdi, Mohammed bin Salman — spiċċa maqtul fit-2 ta’ Ottubru meta mar fil-konsulat tal-Arabja Sawdija, fil-belt Torka ta’ Istanbul.

Wara li l-Arabja Sawdija ħarġet l-istqarrijiet kontradittorji dwar id-destin ta’ Khashoggi, il-Gvern f’Riyadh qal li l-ġurnalista kien inqatel u li l-katavru spiċċa mqatta’ biċċiet. Ingħad li dan seħħ ‘wara li fallew in-negozjati biex jipperswaduh jirritorna lura pajjiżu’.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Tork, Cavusoglu, qal, waqt diskors, li ‘numru ta’ pajjiżi tal-Punent kienu qed jippruvaw jaħbu xi affarijiet konnessi mal-qtil tal-ġurnalista”. Hu kompla li t-Turkija, issa, qed tipprepara għal inkjesta fuq livell internazzjonali bil-għan li jinkixfu dettalji importanti tal-każ.

L-istess Mesut Cavusoglu qal li ‘jaf ir-raġuni’ għalfejn l-allegati pajjiżi tal-Punent setgħu pruvaw jaħbu l-verità dwar il-qtil ta’ Khashoggi — filwaqt li sostna li ‘t-Turkija beħsiebha ssir taf jekk sarux xi forom ta’ ftehim sa minn qabel l-omiċidju.

Sallum ħadd għadu ma jafx s’seħħ mill-fdalijiet ta’ Jamal Khashoggi jew fejn jinsabu.

Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan qal li l-omiċidju ta’ Khashoggi kien ordnat mill-ogħla tmexxija tal-Arabja Sawdija, iżda l-kelliema f’Riyadh ċaħdu kategorikament l-akkużi li ‘il-Prinċep Salman seta’ kien involut’.Il-prosekuturi fl-Arabja Sawdija, intant, qegħdin jinsistu biex ħamsa fost ħdax-il suspettati arrestati dwar il-każ jingħataw il-piena kapitali, bl-omiċidju tal-ġurnalista qed iqajjem ferment fuq livell dinji.