Lokali

Kjuwijiet twal fil-pompi; Il-gvern jibqa’ jkaxkar saqajh

Jintfew il-magni awtomatiċi fil-pompi tal-petrol - il-GRTU ma teskludix li jiħraxu l-azzjonijiet fil-jiem li ġejjin

Għexieren ta’ karozzi matul il-jum ħonqu diversi pompi tal-petrol madwar il-pajjiż minħabba l-biza’ li ġabu magħhom l-azzjonijiet imsejjħa mill-GRTU – azzjonijiet li permezz tagħhom is-sistemi elettroniċi tal-pompi jingħalqu kompletament mis-6 ta’ filgħaxija ‘il quddiem.

Kawża ta’ dan, it-Tlieta dehru bosta kjuwijiet ta’ vetturi jistennew biex jaħsbu għall-petrol u d-diesel.

It-tmexxija tal-GRTU spjegat lil NET News li din id-deċiżjoni se tibqa’ fis-seħħ sakemm il-Gvern jieħu xi forma ta’ azzjoni u jaċċetta li jiltaqa’ mal-union… u mhux eskluż li dawn l-azzjonijiet jiżdiedu. Infatti l-GRTU għadha qed tistenna lill-Gvern li jsejjaħ laqgħa magħhom.

L-azzjonijiet u d-direttivi imposti se jibqgħu sakemm ikun hemm xi forma ta’ azzjoni denja min-naħa tal-Gvern.

Fil-ġimgħat li għaddew is-sidien sabu ruħhom f’sitwazzjoni diffiċli, hekk kif huma gew mitluba jaghmlu titjib fil-pompi tagħhom – li jiswa’ l-eluf – biex jilħqu l-istandards mitluba mill-Awtorità għar-Riżorsu u l-Ambjent sas-sena d-dieħla.

Fil-fatt, is-sidien tal-pompi tal-petrol qed isostnu li l-ispiża għax-xogħlijiet meħtieġa fuq pompa tal-petrol ta’ daqs medju hi mill-anqas nofs mlijun ewro, bl-ispejjeż għal pompi akbar tila’ ferm aktar.

Is-sidien tal-pompi tal-petrol ilhom 9 snin ma jieħdu żieda fil-qligħ tagħhom u għalhekk qed jinsistu li l-Gvern jżid il-qligħ tagħhom mingħajr ma jgħolli l-prezzijiet għall-konsumatur.

Net News tkellem ma’ diversi sewwieqa illi spjegawlna kif qed taffewthom din is-sitwazzjoni.

Intant, il-PN fi stqarrija qal li l-Gvern għandu jieqaf iwebbes rasu, u jidħol f’diskussjoni serja mal-GRTU biex tinstab soluzzjoni għall-piż li jrid jitfa’ fuq is-sidien tal-pompi tal-petrol.

Il-Viċi Kap tal-PN David Agius stqarr illi l-Gvern għandu l-obbligu li jgħin lis-sidien tal-pompi mingħajr ma jgħolli l-prezzijiet għall-konsumatur.