Internazzjonali

L-Afganistan: Membri tas-sigurtà maqtula waqt attakk fuq bażi mit-Taliban

Inqatlu madwar 50 membru tal-qawwiet tas-sigurtà Afgani wara li militanti tat-Taliban attakkaw bażi tas-servizzi sigrieti tal-militar qrib il-kapitali, Kabul. Ir-rapporti qalu li l-aggressuri użaw karozza-bomba biex jiffaċilitaw id-dħul fil-kumpless, fost l-isparaturi sussegwenti.

Il-ġlied fl-inħawi anki ħalla għexieren ta’ midruba, b’xi sorsi qegħdin jgħidu li ċ-ċifra tal-mejtin finali tista’ anki taqbeż il-mija.

Intant, kellu jfalli attakk ieħor tat-Taliban b’tieni karozza-bomba, bil-qawwiet tas-sigurtà Afgani jirnexxilhom joqtlu talanqas tliet aggressuri suwiċida.

Madankollu, ir-rejd tat-Talibani fuq il-bażi, fil-provinċja ta’ Wardak, jibqa’ fost l-agħar li qatt sofrew is-servizzi sigrieti tal-Armata Afgana. Dan wara li l-militar tal-Afganistan ġarrbu sensiela ta’ disfatti riċenti fil-kamp tal-battalja.

L-attakk f’Wardak kompla juri kemm żdiedet l-effettività tat-Talibani mindu l-kontinġenti militari barranin ħarġu mill-Afganistan, fl-2014.

Il-bażi ta’ Maidan Shahr – lejn il-lbiċ ta’ Kabul – tipprovdi ċentru għat-taħriġ ta’ milizji li qegħdin jappoġġjaw lill-Gvern tal-Afganistan.

Sadanittant, id-dmija f’Wardak kellha sseħħ sigħat qabel rawnd ieħor fid-djalogu għall-paċi fl-Afganistan bejn ir-rappreżentanti tat-Taliban u diplomati tal-Istati Uniti li qegħdin jiltaqgħu fil-Qatar.