Lokali

“L-ippjanar irid jiġi qabel naslu għall-kuntratt għall-proġetti” – il-Perit Alex Torpiano

Pajjiżna għandu bżonn jibda jippjana qabel il-ftit art li għandna tibqa’ titqassam. Iddikjara dan il-perit u Professur  Alex Torpiano, f’kummenti lil Net News.

Hu kien qed jirreaġixxi għall-aħħar kontroversja relatata mal-art f’San Ġiljan li l-Gvern għadda lill-Grupp li jmexxi l-Corinthia, bi frazzjoni tal-prezz tagħha.

Il-Perit Torpiano jinnota li pajjiżna għandu nuqqas kbir ta’ art u li din ir-riżorsa qed issir dejjem iktar skarsa. Jiddikjara li fid-dawl ta’ dan, ikun jagħmel iktar sens li l-art li fadlilna tintuża bħala riserva għal meta niġu bżonnha u b’mod strateġiku.

Jinnota li ladarba l-ekonomija ta’ pajjiżna diġa sejra tajjeb, ma hemm l-ebda loġika wara r-raġunament tal-Gvern li titqassam l-art biex tikber l-ekonomija.

U minkejja li l-Grupp IHI li jmexxi l-Corinthia qed jgħid li m’għandu l-ebda intenzjoni li jwettaq reklamazzjoni tal-art biex jibni fejn illum hemm il-baħar, il-Professur Torpiano jinnota li madankollu l-grupp m’offriex li jċedi r-reklamazzjoni tal-art mill-kuntratt.

Dwar ir-reklamazzjoni tal-art, il-grupp IHI iddikjara li din hi xi ħaġa komuni li wieħed isib fil-konċessjonijiet. Iżda t-tħassib hu li jekk grupp ieħor jieħu din il-konċessjoni, jista’ jibdel fehmtu u jiżviluppa anke ż-żona tal-baħar.

Dan apparti li din il-klawżola tagħmel l-art iktar attraenti li kieku l-Grupp ikun jixtieq ibiegħ il-konċessjoni tiegħu.

Fid-dawl ta’ dan, Din l-Art Ħelwa, li l-Professur Torpiano hu membru tal-Kumitat tagħha, t istaqsi wkoll lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tiċċara xi kriterja se tadotta biex tevalwa l-proposti li jaslulha ladarba s’issa ma hemm l-ebda pjan ħolistiku għaż-żona.

Qed tistieden lill-Gvern biex jiċċara eżattament x’ippermetta, fil-kuntratt, lill-Grupp IHI u x’qed iqis li hu aċċettabbli jew le.