Lokali Qorti

“Manwel Delia talabni l-flus biex ikompli jikteb għal Adrian Delia” – Pierre Portelli

Il-blogger u wieħed mill-attivisti ta’ Republika u Occupy Justice, Manwel Delia kien “Ghost Writer” favur Adrian Delia, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista preżenti, meta kienet għadha għaddejja l-kampanja għal għażla għal Kap tal-Partit Nazzjonalista ftit aktar minn sena ilu.

Dan ħareġ mix-xhieda li ta Pierre Portelli, ċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Medialink Communications quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, f’kawza ta’ libell li qed jagħmel Manwel Delia kontra Robert Cremona bħala editur ta’ Medialink Communications fuq dritt ta’ risposta.

Manwel Delia ried li tixxandar risposta fuq risposta li ħarġet mill-media tal-PN wara li fuq il-blog tiegħu Manwel Delia kien implika li l-Kap tal-PN Adrian Delia kellu interess li l-liġi tal-kannabis tgħaddi mill-Parlament.

Pierre Portelli qal fix-xhieda tiegħu li huwa kien infurmat li kienet saret talba għal dritt ta’ risposta minn Manwel Delia wara li Net News kien ippublika t-tweġiba bi dritt għar-risposta li bagħat il-Partit Nazzjonalista llil-blogger Manwel Delia. Ir-risposta tal-Partit Nazzjonalista kienet li l-partit kien kontra l-leġiżlazzjoni tal-kannabis u ma kien minnu xejn li kif qal Manwel Delia, li l-Grupp Parlamentari bil-kemm iddiskuta din il-eġilżzzjoni minħabba li l-kuġin tal-mara tal-Kap Nazzjonalista kien interessat f’dan il-proġett.

Pierre Portelli qal fil-Qorti li dan ma kien minnu xejn fejn fil-fatt kemm il-Kap kif ukoll il-membri parlamentari Nazzjonalisti kienu vvutaw kontra dan il-proġett għat-tkabbir tal-kannabis fil-pajjiż.
Portelli qal li huwa kien ta struzzjonijiet lill-ħaddiema ta’ Medialink Communications biex ma jippublikawx d-dritt ta’ risposta. Qal li huwa kien ilu jaf lil Manwel Delia peress li kienu wkoll flimkien l-Universita’. Tenna li kien konxju li kellu pinna tajba u kemm il-darba talbu biex jiktiblu xi artikli. “Tant kemm kelli fiduċja fih li meta kont Direttur ta’ The Malta Independent, offrejtlu mpieg bħala editur, imma ma aċċettax, u talabni d-doppju ta dak li offejtlu.

“Fis-sajf tal-2017 waqt it-taqtiegħu għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia kien talabni biex ngħinu. Kien ġie miftiehem li Manwel Delia jagħmilha ta’ “ghost writer” għal Adrian Delia, jiġifieri jikteb l-artikli f’ismu. Hu kien aċċetta u l-artikli kienu saru bejn Awwissu u Settembru tal-2017. F’ Settembru hekk kif Adrian Delia rebaħ it-tellieqa għal Kap tal-Partit, Manuel Delia kitibli u talabni biex jibda jitħallas biex ikompli jikteb għal Adrian Delia,” qal Pierre Portelli waqt li ppreżenta kopja tal-messaġġi li għaddew bejnu u bejn Manuel Delia.

Portelli tenna li fl-istess messaġġ Manwel Delia qal li għamel dan ix-xogħol bi ħlas klijenti oħra, u hawn, qal ix-xhud, beda jitħasseb. Dan peress ma kellux idea min setgħu kienu dawn u minn hemm il-quddiem beda jqis li l-kitbiet ta’ Manuel Delia setgħu kienu qed jinkitbu għal diversi klijenti parikolari li hu (Portelli) ma kienx jaf min kienu.

Portelli qal li minħabba dan kollu, u li ma kienx jaf għal min Manwel Delia kien qed jikteb, kompla jikkovvinċi lilu nnifsu li Manuel Delia ma kellux jingħata dritt għal risposta ta’ risposta tal-Partit Nazzjonalista. Biex isaħħaħ l-argumenti tiegħu Pierre Portelli ippreżenta wkoll dokumenti li juru l-korrispodenza u SMS’s li għaddew bejnu u bejn Manwel Delia fuq dan il-każ. Għal Media.link Communications qed jidher l-Avukat Vince Galea waqt li għal Manuel Delia qed jidher l-Avukat Andrew Borg Cardona. Is-seduta tkompli fl-20 ta’ Frar li ġej.