Sport Sport Ieħor

Nadal kontra ż-żagħżugħ Tsitsipas fis-semifinali tal-Open tal-Awstralja

(Ritratti: EPA)

Is-sid numru tnejn Rafael Nadal ftit kellu problemi biex għadda għas-semifinali tal-Open tal-Awstralja b’rebħa ta’ 6-3, 6-4, 6-2 fuq l-Amerikan Frances Tiafoe. It-tennist ta’ 32 sena kiser is-service ta’ Tiafoe fl-ewwel service tiegħu f’kull set.

“Hu emozzjonanti li se nkun lura fis-semifinali. Kelli xi problemi f’din il-kompetizzjoni wara ftit li ma kontx qed nilgħab u li nkun lura fis-semifinali jfisser ħafna għalija. Inħossni fortunat ħafna li nkun fejn qiegħed wara l-problemi kollha li għadda minnhom,” qal Nadal wara l-logħba.

Is-17-il darba rebbieħ ta’ Grand Slam se jaffronta lil Stefanos Tsitsipas mal-aħħar erbgħa wara li l-Grieg ta’ 20 sena għeleb lill-Ispanjol Roberto Bautista Agut 7-5, 4-6, 6-4, 7-6 fi tliet sigħat u 15-il minuta. Fl-età ta’ 20 sena u 168 ġurnata, Tsitsipas hu l-iżgħar tennist raġel li għadda mal-aħħar erbgħa ta’ Grand Slam minn meta Novak Djokovic wasal sas-semifinali tal-Open tal-Istati Uniti fl-2007.

Tsitsipas sar l-ewwel Grieg li qabeż ir-raba’ rawnd ta’ Grand Slam meta elimina lis-sitt darbiet rebbieħ Roger Federer. Hu l-iżgħar tennist li wasal sas-semifinali fl-Open tal-Awstralja minn żmien l-Amerikan Andy Roddick fl-2003. “Qed ngħix il-ħolma, ngħix għal dak li ilni naħdem għalih. Inħossni ftit emozzjonat imma mhux ħafna għaliex naf li ħdimt ħafna biex wasat sa hawn,” qal Tsitsipas.