Il-film drammatiku-storiku The Favourite u l-film tan-Netflix, Roma, huma l-aktar żewġ films b’nominazzjonijiet ( għaxra kull wieħed) għall-Academy Awards — jew l-Oscars — ta’ din is-sena.
L-isfidanti l-oħrajn għall-unuri jinkludu A Star Is Born u Vice, bi tmien nominazzjonijiet kull wieħed u l-film Black Panther, b’seba’. Fil-fatt, Black Panther hu l-ewwel film dwar supereroj li hu innominat għall-Aħjar Film.
Produzzjonijiet oħrajn b’numru ta’ nominazzjonijiet huma BlackKkKlansman, b’sitta; Bohemian Rhapsody u Green Book b’ħamsa kull wieħed u First Man u Mary Poppins Returns b’erba’ nominazzjonijiet kull wieħed.
Il-films li ssemmew huma kollha nnominati għall-Best Picture waqt li l-personalitajiet taċ-ċinema li qed jikkuntestaw għall-premju lill-Aħjar Attur huma Christian Bale ( għal Vice); Bradley Cooper (A Star Is Born); Willem Dafoe (At Eternity’s Gate); Rami Malek (Bohemian Rhapsody) u Viggo Mortensen (Green Book).
Il-finalisti għall-Oscar li se jingħata lill-Aqwa Attriċi huma Yalitza Aparicio (għal Roma); Glenn Close (The Wife); Olivia Colman (The Favourite); Lady Gaga (A Star is Born) u Melissa McCarthy (Can You Ever Forgive Me).
Dan meta l-91 ċerimonja għall-premjazzjoni tal-Oscars se ssir fl-24 ta’ Frar li ġej fid-Dolby Theatre ta’ Hollywood, f’Los Angeles.
//= $special ?>

