Lokali Qorti

Raġel mixli bi traffikar ta’ droga u pornografija fuq it-tfal jingħata l-liberta’ proviżorja

Raġel ta’ 41 sena minn Birżebbuġia li jinsab akkużat bi traffikar ta’ droga u li kellu fil-pusses tiegħu materjal li għandu x’jaqsam ma’ pornografija tat-tfla ingħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €20,000.

Il-Qorti Kriminali fid-deċiżjoni tagħha qalet li Keith Desmond Falzon ilu arrestat mid-29 ta’ Awwissu, 2017. Qalet ukoll li għadda żmien biżżejjed biex almenu l-Prosekuzzjoni tkun ressqet numru sostanzjali ta’ xhieda pajżana u li l-akbar preokkupazzjoni tal-Avukat Ġenerali hi li hemm xhieda vulnerabbli li għad iridu jixhdu fil-konfront ta’ Falzon dwar abbuż sesswali ta’ minorennni.

L-Imħallef Giovanni Grixti qal li l-fatt li dawn il-minorenni għadhom ma xehdux sal-lum u li l-Avukat Ġenerali ma seta’ jagħti l-ebda raġuni għaliex dan qed iseħħ u fiċ-ċirkostanzi jidher li l-għan tal-arrest preventiv illum il-ġurnata huwa eżawrit, Falzon m’għandux għalfejn jibqa’ arrestat u għalhekk intlaqgħet it-talba tal-Avukat Roberto Montalto, li qed jidher għal Falzon, għal liberta’ proviżorja.
Keith Desmond Falzon kien tressaq il-Qorti wara li l-Pulizija kienet għamlet rejd f’garaxx f’Birżebbuġia,propjeta tiegħu u hemmhekk instabu diversi tipi ta’ droga, fosthom kannabis, kokaina, ecstacy, methamphetamine, LSD u madwar €82,000 fi flus kontanti.

Ir-raġel kellu wkoll allegament fil-pussess tiegħu oġġetti ta’ pornografija relatata mat-tfal. L-iskwadra ta’ Kontra d-Droga dak iż-żmien kienet ukoll għamlet osservazzjoni ta’ diversi jiem u qabdet lil Falzon li kellu allegatament 100 pillola “methamphetamine” u borża li kien fiha madwar 500 gramma ta’ parti mill-pjanta kannabis.

Il-Pulizija sabet ukoll numru ta’ droga LSD u faqqiegħ li wkoll jintuża għad-droga. Meta kien tressaq il-Qorti f’Awwissu tal-2017 Falzon kien ukoll bil-liberta’ proviżorja fuq każ ieħor u li kien qed jiġi mixli wkoll fuq korruzzjoni ta’ minorenni u ħasil ta’ flus. Ħafna mid-droga allegatament misjuba fil-garaxx tiegħu kienet ukoll moħbija fil-but ta’ karozza Mazda.

L-Ispettur Busuttil kien irrimarka fil-Qorti li minbarra żewġ persuni taħt l-eta’, li kien maġenbu meta kien ġie arrestat sena u nofs ilu, il-Pulizija kienet skopriet ukoll li fil-kumpanija tiegħu ħafna drabi kien ikun hemm persuni taħt l-eta. Ingħad ukoll li allegatament kien hemm perjodu fejn kien issir minnu avvanz sesswali fuq tfal ta’ bejn tmienja u 11-il sena.

Il-Qorti imponiet ukoll diversi miżuri fil-konfront tal-akkużat fosthom li ma jsifirx minn Malta jew jinħeba x’imkien, li ma jikkomunnikax max-xhieda tal-Prosekuzzjoni, li ma jikkommettiex reat ieħor u jrid ikun ġewwa fit-8.00 p.m. u ma joħroġx qabel is-7.00 a.m. L-Ispetturi Joseph Busuttil, Jonathan Cassar u Kevin Pulis qed imexxu l-Prosekuzzjoni.