Lokali

“Sitwazzjoni insapportabbli” – MUMN

Is-sitwazzjoni li għal sen’oħra reġgħet inqalgħet fl-Isptar Mater Dei, b’iffullar li wassal sabiex mill-ġdid il-pazjenti spiċċaw fuq sodod u stretchers f’nofs ta’ kurituri, setgħet ġiet evitata.

Jiddikjara dan Colin Galea, Segretarju Ġenerali tal-MUMN, il-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel, li ilha snin twissi lill-Gvern li sena wara l-oħra se nesperjenzaw din is-sitwazzjoni, iżda ġiet injorata.

L-MUMN temmen li jekk ir-residenti f’lokalitajiet differenti jkollhom servizz komplut fejn jafu li jistgħu jinqdew, jitnaqqas il-piż fuq l-isptar u jingħata wkoll servizz aħjar u iktar effiċjenti.

Kieku jkollna servizz ħolistiku fil-komunità, dan l-influss u dan l-impatt jittaffa ħafna iktar milli qed inħabbtu wiċċna miegħu ukoll.

Kompliet tikber ukoll il-problema ta’ nuqqas ta’ infermieri, li qed twassal biex il-professjonisti mediċi qed jaffaċċjaw pressjoni enormi ta’ xogħol u ħinijiet twal bla waqfien.

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, l-MUMN diġa talbet għal laqgħa urġenti mal-awtoritajiet biex jinstab mod kif din is-sitwazzjoni se tiġi solvuta, b’Colin Galea jiddikjara li s-sitwazzjoni issa qed issir insapportabbli.

Minkejja dan kollu, l-infermieri qed jagħtu servizz imprezzabbli u bl-aħjar mod possibbli.

L-MUMN tibqa’ kommessa li tiltaqa’ mal-Gvern, liema talba ntlaqgħet, biex toffri l-proposti tagħha ħalli s-sitwazzjoni titranġa jew għallinqas titjieb għall-ġid aħħari tal-pazjenti.