Minuti biss wara li l-plejer ta’ Hibernians Tiago Adan Fonseca skurja gowl kontra Valletta, l-istess plejer kien qed jirriskja konsegwenzi serji, li saħansitra setgħu jkunu fatali.
Ix-xeni tal-fiżjoterapista ta’ Hibernians Karl Farrugia jordna lill-plejer tal-istess klabb biex joħroġ ‘il barra mill-grawnd qajmu diversi mistoqsijiet fost il-partitarji, anke għaliex il-plejer għal diversi drabi deher jgħid li m’għandu xejn u xtaq ikompli jilgħab.
Madankollu dan kien ordnat joħroġ ‘il barra mill-grawnd, u mumenti wara kien qed jittieħed lejn l-ambulanza għal intervent mediku.
“Aħna konna ilna nosservawh li mhux jirkupra n-nifs tajjeb. Saqsejnieh x’kellu u qalilna li kienu qed juġgħuh griżmejh f’dak il-ħin. Il-plejer ovjament ma kienx jaf x’qed jiġri eżatt,” jiddirkjara Farrugia.
Ikompli li l-istaff mediku nduna li kellu reazzjoni allerġika, li għalissa għadu ma jafx minn xiex għax qed isiru t-testijiet. “F’dan il-każ il-pajp tan-nifs kien qed jidjieq u kien f’dak il-ħin li kaxkartu lejn l-ambulanza għax naf li jkun hemm l-ossiġnu.”
Fortunatament jidher li l-plejer ma sofriex konsegwenzi serji tant li t-Tlieta rritorna għat-taħriġ mal-klabb. Madankollu dan l-episodju jixhed l-importanza li l-klabbs lokali fi kwalunkwe sports jilqgħu għal episodji simili bil-preżenza ta’ staff mediku professjonali.
Iżda xi kultant, la l-partitarji u lanqas l-uffiċjali ma jifhmu li l-preżenza tal-istaff mediku fil-grawnd mhix ħela ta’ ħin. Spiss naraw lill-uffiċjali jgħaġġlu lill-istaff mediku biex iqajjem lill-plejer u joħorġ mill-grawnd biex ikun jista’ jkompli l-logħob.
“Jien inħobb nara logħob internazzjonali oħra u tinnota li f’ċertu injuries, it-tim mediku jitħalla minuta, tnejn jew tlieta fuq il-pitch, skont il-gravità tal-injury,” jistqarr il-fiżjoterapista ta’ Hibernians.
Ikompli li “sfortunatament meta jkun hemm affarijiet bħal concussion, head injuries li naraw ħafna, u kemm ili fil-futbol qishom jiżdiedu ħabba l-intensità tal-futbol dawk huma affarijiet serji ħafna. Ma tistax tistenna li plejer b’concussion iqum mill-art.”
Kien anke frott l-importanza tal-istaff mediku fil-grawnd, li fl-aħħar snin l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol bidlet ir-regoli biex issa tabib jew fiżjoterapista ma jistax jitkeċċa iktar mill-grawnd f’każ ta’ offiża.
Illum-il ġurnata membru tal-istaff mediku l-iktar l-iktar jitwarrab minn ħdejn il-kumplament tat-tim tekniku iżda jibqa’ b’aċċess għall-grawnd.
//= $special ?>