Futbol Sport

Tintemm il-ħolma ta’ Usain Bolt li jilgħab il-futbol professjonali

Usain Bolt ikkonferma li rtira mill-futbol professjonali wara li lejn tmiem is-sena l-oħra naqas li jikseb kuntratt professjonali tat-tim Awstraljan Central Coast Mariners.

Minbarra Central Coast Mariners, Bolt tħarreġ mat-tim Norveġiż Stromsgodset u l-Ġermaniżi Borussia Dortmund. Waqt li kien jinsab bi prova mat-tim Awstraljan, f’Ottubru li għadda kellu offerta ta’ kuntratt ta’ sentejn minn Valletta, kuntratt li rrifjuta ftit qabel ma ntemmet il-prova tiegħu ma’ Central Coast Mariners.

Hu qal li kienet esperjenza sabiħa, ħa pjaċir li jkun f’tim u ħa gost sakemm damet l-esperjenza. Bolt li hu tmien darbiet rebbieħ Olimpiku, qal li issa se jiffoka fuq l-affarijiet tiegħu fin-negozju.

L-aħħar dehra kompetittiva tiegħu fl-atletika kienet fil-Kampjonati tad-Dinja tal-2017 f’Londra meta l-Ġamajka rebħet biss midalja tad-deheb u tlieta tal-bronż, fosthom it-tielet post ta’ Bolt fil-100 metru. Bolt li għad għandu r-rekords tal-100 metru u l-200 metru, qal li l-Ġamajka għandha grupp ta’ atleti tajbin iżda qal li dawn qed jingħataw kuntratt kbar kif jitilqu mill-iskola u qed jiddubita mill-motivazzjoni tagħhom.