Lokali Qorti

Titnaqqas il-piena għax bidel ħajtu għal aħjar

Patrick Gatt ta’ 45 sena minn Birkirkara kellu s-sentenza tiegħu ta’ 30 xahar ħabs imnaqqsa għal disa’ xhur wara li għamel kambjament kbir f’ħajtu fejn irriżulta li baqa’ miexi l-quddiem fi triq it-tajba. Gatt li kien traffikant tad-droga u li kien ukoll dipendenti fuqha, għeleb il-vizzju.

Gatt li l-multa li kien weħel ta’ €6,000 baqgħet xorta fis-seħħ, kien instab ħati li ttraffika u kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina. Huwa nstab ħati wkoll li rreżista u darab ħafif żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija li qabduh bid-droga.

Il-każ kien seħħ fis-7 ta’ Novembru 2014 għall-ħabta tat-3.15am waqt li Surġent u żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija kienu fl-istabbiliment Havana f’Paceville u sabu tliet persuni – żewġ nisa u raġel – fit-toilets tan-nisa.

Saret tfittxija fuqhom u filwaqt li fuq in-nisa ma nstab xejn, fuq ir-raġel, Glendon Chappell, instabet borża bis-sustanza suspettata kokaina. L-Uffiċjal Prosekutur Nikolai Sant spjega li dan ir-raġel indika li huwa kien xtara dak misjub fuqu mingħand l-imputat li ġie wkoll imwaqqaf u saret tfittxija fuqu.
Fix-xhieda tiegħu, Glendon qal li kien xtara d-droga mingħand bouncer tal-klabb Deja Vu, u indika li kien l-imputat. Huwa qal ukoll li dejjem akkwista l-kokaina mingħandu.

Meta l-Pulizija marru jfittxu lill-imputat, sabuh mal-bieb u fil-but tiegħu instabu tliet boroż suspettati kokaina u fir-residenza tiegħu nstabu wkoll żewġ boroz.

Fix-xhieda tiegħu, Gatt qal li ma kienx qed jaħdem bħala bouncer u li dakinhar kien xorob kif ukoll xtara l-kokaina għax għalkemm kien kontra d-droga iżda kellu ħafna dwejjaq u problemi.
Il-Maġistrat Neville Camilleri għażel li jemmen il-verżjoni, li kienet dejjem konsistenti u għaldaqstant sab lill-imputat ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih u kkundannah 30 xahar ħabs flimkien ma’ multa ta’ €6,000.

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li hija taqbel mad-difiża li l-ewwel Qorti kienet stabbillixxiet piena ferm ħarxa. Il-Qorti semgħet ix-xhieda tal-Uffiċjal tal-Probation Mary Rose Farrugia, ta’ Dr. Joseph Spiteri u ta’ Ian Grech. Spiteri qal li Gatt kien ibati mill-ADHD (Attension Deficit Hypertension Disorder) kif ukoll kien hemm żmien li kellu problemi ta’ droga kif ukoll problemi tar-relazzjoni.

Ingħad li kien beda bil-problema tal-alkoħol imbagħad dar għal fuq il-kokaina, speċjalment meta kien qed ikollu problemi soċjali. L-istess Patrick Gatt qal fil-Qorti li ilu ma jieħu d-droga għal madwar tliet snin u li jieħu ħsieb tifel. Fl-ewwel Qorti kienu saru numru ta’ osservazzjonijiet dwar il-piena u kkunsidrat ix-xhieda ta’ Noel Cassar mill-Caritas, Oswald Balzan mill-Mater Dei u l-Psikoterapista Stephanie Grech li xehdu fl-Ewwel Qorti fejn qalu li miexi fit-triq it-tajba.

Cassar kien qal li li l-ewwel darba li għamel kuntatt mal-Caritas, fit-23 ta’ Frar, 2015, kellu problema serja ta’ droga. Baqa’ jattendi regolarment u wara sitt ġimgħat l-urina bdiet turi li kien baqa’ nadif u hekk għadu sal-lum.

Meta wieħed iqis kollox il-Qorti bidlet is-sentenza minn 30 xahar għal disa’ xhur ħabs. Għal Patrick Gatt deher l-Avukat Roberto Montalto filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nikolai Sant.