Edukazzjoni Ewropa Kultura Lokali Unjoni Ewropea Xjenza u Teknoloġija

Zammit Dimech jappella lill-Gvern biex iżid il-fondi għar-riċerka u l-għotjiet għal wara d-dottorat

“Matul l-aħħar 5 snin, 200 student kisbu dottorat mill-Università ta’ Malta. Iżda x’qed nagħmlu biex nagħtu lil dawn ir-riċerkaturi l-opportunità li jkomplu bir-riċerka tagħhom? L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara li diversi studenti, riċerkaturi u akkademiċi kellmuh dwar in-nuqqas ta’ opportunitajiet għall-gradwati tal-PhD biex ikomplu bir-riċerka tagħhom.

L-aħħar sejħa għal għotjiet ta’ wara d-dottorat inħarġet lura fl-2015. Minn dakinhar ma nħarġet l-ebda sejħa oħra simili għal riċerkaturi ta’ wara d-dottorat. Dawn l-għotjiet huma mmirati għal riċerkaturi ta’ profil għoli u jinkoraġġixxu r-riċerka f’oqsma strateġiċi meħtieġa għall-pajjiż. Għalhekk, hu fl-interess nazzjonali li jkunu disponibbli dawn l-għotjiet. Zammit Dimech fakkar kif il-Parlament Ewropew ivvota biex iżid il-baġit tal-UE għar-riċerka. Huwa spjega li issa hi wkoll ir-responsabbiltà tal-gvern mhux biss li jappoġġja l-baġit, iżda wkoll li jiżgura l-użu tal-fondi għar-riċerka. Zammit Dimech żied li iktar investiment fir-riċerka hu meħtieġ biex l-UE tibqa’ kompetittiva ma’ ekonomiji oħra żviluppati.

Zammit Dimech appella lill-gvern biex iżid l-infiq fuq ir-riċerka. Skont “Ċifri ewlenin dwar l-Ewropa 2018” ippubblikati mill-Eurostat, Malta tinsab ir-raba’ mill-aħħar meta niġu għall-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. Fil-fatt, iċ-ċifri juru li Malta nefqet 0.61% tal-Prodott Gross Domestiku tagħha (PGD), ħafna inqas mill-medja tal-UE, li hija ekwivalenti għal 2.03% tal-PGD. Dan l-infiq sar l-aktar minn intrapriżi tan-negozju. Fl-aħħar ġimgħat, Zammit Dimech żar numru ta’ ċentri ta’ riċerka, fosthom l-Università ta’ Malta, fejn ix-xjentisti li jwettqu riċerka dwar il-kanċer tkellmu dwar l-isfidi tagħhom biex jiksbu fondi biex jixtru l-istrumenti meħtieġa għar-riċerka tagħhom. Ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni għandhom rwol vitali biex jinstabu soluzzjonijiet xjentifiċi u tekniċi li jilqgħu għall-isfidi tas-soċjetà. Zammit Dimech irringrazzja lil bosta kumpaniji u organizzazzjonijiet volontarji li jappoġġjaw proġetti ta’ riċerka. Huwa rrimarka wkoll li l-gvern għandu jappoġġja u jinċentiva s-settur privat biex jinvesti fl-R&D u jgħinhom jegħlbu r-riskji tal-investiment, filwaqt li jgħinhom jinnovaw biex jissodisfaw it-talbiet tas-suq. F’dan ir-rigward, Zammit Dimech, eks Ministru tat-Turiżmu, nsista għal investiment fl-R&D fis-settur tat-turiżmu li qed jiffaċċja sfidi bħall-bidla fil-klima u overtourism.

“Joseph Muscat wiegħedna li se jagħmel lil Malta l-aqwa fl-Ewropa. Wieħed ċertament ma jistax jgħid hekk meta niġu għar-riċerka. Il-gvern m’għandu l-ebda skuża, u wara 5 snin fil-gvern, wieħed kien jistenna li l-gvern jagħti lil dan is-settur l-importanza dovuta. Zammit Dimech fakkar li l-oppożizzjoni Nazzjonalista, fl-aħħar dibattitu dwar il-baġit, kienet diġà tkellmet dwar in-nuqqas ta’ importanza li jagħti l-Gvern lir-riċerka.

“Il-futur tal-ekonomija tagħna jiddependi fuq l-innovazzjoni u l-ħiliet tan-nies tagħna. Għalhekk m’għandna l-ebda għażla ħlief li ninvestu aktar fir-riċerka u nagħtu l-opportunità lir-riċerkaturi tagħna, inkluż dawk fid-diversi istituzzjonijiet edukattivi u ta’ riċerka bħall-MCAST u l-Università ta’ Malta, li jikbru u jespandu,” ikkonkluda Zammit Dimech.