Lokali

Appoġġ akbar għal-link permanenti bejn Malta u Għawdex

Qed ikompli jissaħħaħ l-appoġġ għall-idea ta’ link permanenti bejn Malta u Għawdex, issa b’għadd ta’ għaqdiet Għawdxin ikomplu jesprimu l-pożizzjoni tagħhom dwar dan.

Waqt il-programm NET Live, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu Joe Muscat qal li anke l-GTA taqbel mal-mina li tgħaqqad liż-żewġ gżejjer bħala l-link permanenti.

Il-GTA temmen li bħala gżira, Għawdex trid ittejjeb il-konnessjonijiet tagħha, filwaqt li tħares ukoll lejn l-isfidi futuri.

Hu għalhekk li hu importanti li jinbena link li jifrex anke lejn destinazzjonijiet importanti, bħalma huma l-Ajruport Internazzjonali u l-Isptar Mater Dei, fost l-oħrajn.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Għawdxin f’Malta Sean Zammit fakkar kif din l-għaqda kienet minn tal-ewwel li esprimiet ruħha favur l-introduzzjoni tas-sistema tal-metro, li tgħaddi mill-mina li għandha tgħaqqad lill-gżejjer.

Hu staqsa jekk għadniex nifilħu naraw lil Għawdex mimlija karozzi f’każ ta’ xi tmiem il-ġimgħa impenjattiv. B’hekk, l-użu tal-metro u mezzi pubbliċi oħrajn ikunu jistgħu jieħdu post uħud mill-vetturi privati.

Sean Zammit qal li l-Assoċjazzjoni qed tissuġġerixxi li l-ewwel fażi tal-proġett ikun jinkludi l-mina biex jitgħaqdu l-gżejjer. Imbagħad, fit-tieni fażi, jiżdiedu l-fergħat lejn postijiet strateġiċi.

Hu appella li d-dokumenti ta’ informazzjoni jkunu ppubblikati biex il-poplu jżomm ruħu aġġornat.