Futbol Sport

Balotelli jibdel it-tim iżda jibqa’ fil-kampjonat Franċiż

L-attakkant Taljan Mario Balotelli jittama li jerġa’ jsib il-forma hekk kif kien ippreżentat bħala plejer ta’ Olympique Marseille mingħand Nice b’kuntratt ta’ sitt xhur.

Balotelli li fil-karriera tiegħu lagħab ma’ Inter, Manchester City, Liverpool u Milan, għadu jrid jiskorja gowl f’dan l-istaġun wara li fl-aħħar żewġ staġuni kien skorja 33 gowl minn 51 logħba fil-Ligue 1. Olympique Marseille bħalissa jinsabu fis-seba’ post fil-kampjonat b’31 punt daqs Nice li iżda lagħbu logħba aktar.

Il-plejer ta’ 28 sena għamel referenza għall-forma negattiva tiegħu fejn qal li hi dejjem responsabbiltà tal-attakkant iżda sostna li xi kultant ikun hemm fatturi esterni. Hu kompla li kellu jitlaq fil-bidu tal-istaġun iżda t-trasferiment ma seħħx. Marseille jilagħbu kontra Lille l-Ġimgħa. Il-kowċ tal-klabb Rudi Garcia qal li l-akbar ċans li Balotelli jkun utilizzat hu bħala sostitut.