Futbol Sport

Barcelona jirbħu t-taqtigħa biex jakkwistaw lil Frenkie de Jong

Barcelona komplew isaħħu l-iskwadra hekk kif rebħu t-taqtigħa biex jakkwistaw lil Frenkie de Jong mingħand Ajax għal somma li tista’ tlaħħaq €86 miljun. Il-plejer ta’ 21 sena se jiffirma kuntratt ta’ ħames snin fi trasferiment ta’ €75 miljun, bi €11-il miljun oħra f’żieda. L-Olandiż se jibda l-esperjenza maċ-champions Spanjoli fis-sajf li ġej.

Dan il-ftehim kien konkluż mill-President tal-klabb Josep Maria Bartomeu flimkien mal-Kap Eżekuttiv Oscar Grau li t-tnejn marru Amsterdam. Fost it-timijiet interessati f’de Jong kien hemm Paris Saint-Germain u Manchester City. De Jong ingħaqad ma’ Ajax fl-2015 mingħand Willem II. Hu sar mill-ewwel wieħed mill-plejers importanti tat-tim f’nofs il-grawnd u kien importanti biex Ajax waslu sal-finali tal-Europa League fl-2017.

De Jong hu r-raba’ akkwist ta’ Barcelona f’dan ix-xahar wara Jeison Murillo, Kevin-Prince Boateng u Jean-Clair Tobido li se jingħqad fis-sajf mingħand Toulouse. Munir El Haddadi ħalla l-klabb biex ingħaqad ma’ Sevilla. Inċidentalment, De Jong se jkollu ċ-ċans li jimpressjona l-partitarji ta’ Barcelona f’dan l-istaġun, hekk kif Ajax se jilagħbu kontra Real Madrid fil-fażi tal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League x-xahar id-dieħel.