Is-sitt darbiet rebbieħ Novak Djokovic avvanza għas-semifinali tal-Open tal-Awstralja wara li l-Ġappuniż Kei Nishikori rtira minħabba li weġġa’ fil-kwarti tal-finali bejniethom. Is-Serb kien 6-1, 4-1 minn fuq meta Nishikori kien sfurzat li jieqaf minħabba problema f’kuxxtejh. Fatt interessanti hu li kull darba li Djokovic wasal sas-semifinali f’Melbourne, dejjem spiċċa rebbieħ tat-tournament.
L-avversarji tiegħu mal-aħħar erbgħa se jkun Lucas Pouille wara li l-Franċiż għeleb lil Milos Raonic. Fis-semifinali l-oħra tal-lum, Rafael Nadal jaffronta liż-żagħżugħ Grieg ta’ 20 sena Stefano Tsitsipas. Djokovic ma tilifx kontra Nishikori fl-aħħar 15-il logħba ta’ bejniethom, bl-aħħar rebħa tal-Ġappuniż tmur lura għas-semifinali tal-Open tal-Istati Uniti fl-2014.
“Inħobb nissielet kontra Kei, lagħbna ħafna logħbiet fil-karrieri tagħna. Nittama li jista’ jirkupra u ma tkunx xi ħaġa serja li ma tiħux fit-tul. Jiddispjaċini għal kulħadd li ma rajtux il-logħba kollha imma grazzi talli ġejtu,” qal Djokovic wara l-logħba.
Nishikori lagħab kważi 14-il siegħa fl-erba’ logħbiet tiegħu, aktar minn erba’ sigħat mis-Serb. Nishikori sejjaħ time-out mediku fi tmiem tal-ewwel set li tilef f’31 minuta. Hu għamel ħames logħbiet oħra fit-tieni set u deher li qed isibha diffiċli, tant li ddeċieda li jieqaf anqas minn siegħa wara l-bidu tal-logħba.
//= $special ?>