Hija inġustizzja kbira mas-sidien tal-pompi tal-petrol li huma parti minn franchising mal-Enemed li jkunu mhedda minn din l-entità kummerċjali li suppost hija indipendenti mill-Gvern.
Fi stqarrija permezz tal-Viċi Kap David Agius u d-Deputat Edwin Vassallo l-PN qal li mhux sewwa li qed nisimgħu kif l-Enemed qed tispiċċa thedded negozji żgħar, li huma sidien ta’ pompi tal-petrol f’pajjiżna. Hija wkoll ta’ ħasra li f’pajjiżna, kif jidher mill-informazzjoni li qed jirrappurtaw il-mezzi tax-xandir, ikollna min iħossu kbir u jilgħaba tal-bully maż-żgħir.
Jekk il-Gvern Laburista għandu verament għal qalbu ż-żgħir, għandhu minnufih iwaqqaf dawn it-tattiċi tal-bullying fuq is-sidien tal-pompi tal-petrol. Il-Gvern, jekk irid jagħmel ġustizzja, għandu jara kif dawn is-sidien jingħataw il-kumpens meħtieġ u li qed ikun mitlub. Dan billi jieqaf iwebbes rasu, jiltaqa’ u jiddiskuti b’serjetà mal-GRTU biex tinstab soluzzjoni għall-piż li jrid jitfa’ fuq is-sidien tal-pompi tal-petrol, mingħajr ma jitfa’ aktar piżijiet fuq il-familji u mingħajr ma jgħolli l-prezzijiet tal-fuels.
//= $special ?>