Wara l-każi sfortunati tal-meninġite li smajna bihom f’dawn l-aħħar jiem, il-poplu, min b’mod u min b’ieħor, xtaq juri empatija mal-familjari ta’ dawk milquta. Saħansitra kien hemm ħbieb u qraba li resqu jagħtu d-demm biex minn sitwazzjoni diffiċli bħal din joħroġ il-ġid ukoll.
Dan ħabru s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni fejn irringrazzja lil dawk kollha li fl-aħħar sigħat mallu jagħtu d-demm. B’rabta ma’ dan, iċ-Ċentru tal-għoti tad-Demm appella għall-għoti tad-demm, possibbilment fi gruppi, b’hekk wieħed ikun iktar kommess u jagħmel iktar kuraġġ biex imidd il-pass, speċjalment jekk il-pass ikun ser isir għall-ewwel darba.
Għaldaqstant dawk li fil-jiem li ġejjin jixtiequ jagħtu d-demm jistgħu jagħmlu dan fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa li jiftaħ kuljum mit-8:00am sas-6:00pm (l-aħħar dħul fis-6:00pm), fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd 27 ta’ Jannar ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm maġenb Ġnien Raymond Caruana, il-Gudja. Il-ħin disponibbli għall-għoti tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm. F’Għawdex fil-Berġa l-Ġdida tax-Xewkija li nhar It-Tlieta 29 ta’ Jannar ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm (l-aħħar dħul fil-5:00pm).
Huwa importanti li wieħed jieħu miegħu l-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
//= $special ?>