Sport Sport Ieħor

Honda jiżvelaw il-muturi u s-sewwieqa għall-istaġun tal-Moto GP

(Ritratt: EPA)

L-eks rebbieħ tal-Moto GP Jorge Lorenzo qal li għandu relazzjoni ta’ mħabba u mibgħeda ma’ sieħbu l-ġdid fit-tim Marc Marquez iżda jemmen jista’ jirnexxi f’dan l-istaġun. L-Ispanjoli bejniethom rebħu tmienja mill-aħħar disa’ kampjonati u f’dan l-istaġun it-tnejn se jsuqu ma’ Honda, bit-tim jippreżenta l-muturi u s-sewwieqa għal dan l-istaġun.

Lorenzo qal li b’żewġ sewwieqa bħalhom fl-istess tim, ħafna jistgħu jaraw biss negattiv, iżda saħaq li b’żewġ sewwieqa eċċellenti tista’ tkun ta’ għajnuna biex it-tnejn jikbru. Lorenzo li għandu 31 sena, rebaħ tliet titli ma’ Yamaha qabel ingħaqad ma’ Ducati fl-2017 f’sentejn ta’ diżappunt. Jekk jirbaħ ma’ Honda, Jorge Lorenzo jsir biss il-ħames sewwieq fl-istorja li jkun rebaħ ma’ tliet timijiet differenti.

Marquez li għad għandu 25 sena jerġa’ jibda l-favorit li jirbaħ il-kampjonat tal-Moto GP hekk kif rebaħ ħamsa mill-aħħar sitt kampjonat kemm ilu li kien promoss f’din il-kategorija fl-2013. Hu qal li ma togħġbux l-idea ta’ tim tal-ħolm u jkun biss hekk jekk fi tmiem l-istaġun ikunu għadhom fit-taqtigħa għar-rebħ tal-unuri.

Iż-żewġ sewwieqa se jibdew l-istaġun bi problemi minħabba li t-tnejn kienu operati. Marquez għamel operazzjoni ppjanata fi spallejh f’Diċembru filwaqt li Lorenzo kiser il-polz tax-xellug waqt it-taħriġ.

Tags