Futbol Sport

Id-difensur ta’ Hibernians Isaac Ntow sospiż erba’ logħbiet

(Ritratt: Trevor Sollars)

Id-difensur xellugi ta’ Hibernians Isaac Ntow ġie sospiż erba’ logħbiet mill-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA wara li tkeċċa fl-aħħar logħba li Hibernians lagħbu kontra Valletta. Ntow ntwera t-tieni karta safra mir-referee Philip Farrugia fil-55 minuta wara fawl fuq Enmy Pena Beltre iżda wara li tkeċċa, Ntow imbotta lir-referee qabel ħalla l-pitch. Sospiż ukoll għal Hibernians hu l-kowċ Stefano Sanderra li weħel żewġ logħbiet meta hu wkoll tkeċċa ftit sekondi wara minħabba kliem mhux xieraq lejn l-uffiċjal tal-logħba.

Steve Pisani u Nenad Sljivic ta’ Balzan, Joseph Mbong ta’ Hibernians, Matias Garcia ta’ Senglea Athletic, Goran Adamovic u Claudio Pani ta’ Sliema u Daniel Zerafa ta’ Tarxien Rainbows kienu sospiżi logħba. Il-President ta’ Floriana Riccardo Gauci wkoll ġie sospiż logħba wara li tkeċċa minn fuq il-bank ta’ Floriana fl-aħħar logħba kontra Sliema Wanderers filwaqt li l-kit manager ta’ Mosta Robert Frendo ġie sospiż sitt logħbiet.

Pisani, Sljivic u Garcia se jitilfu l-konfront bejn Balzan u Senglea Athletic, Adamovic u Pani mhux se jilagħbu fil-logħba ta’ Sliema Wanderers kontra Gżira United, Daniel Zerafa mhux se jkun għad-dispożizzjoni fil-logħba ta’ Tarxien Rainbows kontra Mosta. Mbong se jitlef il-logħba ta’ Hibernians kontra Floriana filwaqt li minbarra din il-logħba, Ntow se jitlef ukoll il-logħbiet ta’ Hibernians kontra Gżira United, St. Andrews u Tarxien Rainbows.