Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-bejgħ tal-passaporti jiftaħ il-bieb għall-ħasil ta’ flus – Kummissjoni Ewropea

Għal darb’oħra, il-bejgħ tal-passaporti f’Malta spiċċa kundannat mill-Kummissjoni Ewropea, hekk kif f’rapport speċifiku dwar l-iskemi tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, ġiet kritikata l-iskema tal-Gvern Malti, fost oħrajn, minhabba nuqqas ta’ sigurtà u trasparenza, kif ukoll għall-fatt li kif inhi, qed tiftaħ il-bieb għal min irid jaħsel il-flus.

Fl-Unjoni Ewropea, huma biss Malta, Ċipru u l-Bulgarija li għandhom skema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza li fihom ma hemmx bżonn li min jixtri l-passaport ikollu relazzjoni ġenwina mal-pajjiż. Għall-Unjoni Ewropea, din l-iskema hi ta’ tħassib serju minħabba l-fatt li min jixtri l-passaport Malti, effettivament ikun qed jixtri l-passaport Ewropew, u konsegwentement, ikun sar ċittadin sħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kemm-il darba tkellem kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija, u sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista jġib investiment li jrendi fit-tul – mhux bil-bejgh tal-passaporti. Fil-fatt, Adrian Delia kien qal dan anke lill-Kummissarju Ewropew Vera Jourova waqt laqgħa f’Malta f’Ġunju li għadda.

Intant, l-istess rapport jispjega kif mhux qed issir analiżi biżżejjed fuq min japplika ghall-passaport Malti bil-konsegwenzi li min jixtri ic-cittadinanza, jista’ jwassal ghal riskju kbir fuq is-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi, u anke dak Ewropew. Ir-rapport jispjega kif hemm bżonn li jidħlu fis-seħħ metodi b’saħħithom ta’ due diligence li jassiguraw li fil-proċess, ma jkunux qed jinkisru r-regoli ta’ kontra l-ħasil tal-flus, kif ukoll dawk tal-evażjoni tat-taxxa.

B’mod partikolari dwar it-trasparenza, r-rapport jgħid li ma ngħatax informazzjoni biżżejjed dwar kif qed titħaddem din l-iskema, inkluż in-numru ta’ applikazzjonijiet li saru, li ġew approvati u li ġew irrifjutati, kif ukoll min huma l-persuni li applikaw.

Aktar minn hekk, sostna r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri ma jaqsmux informazzjoni bejniethom dwar l-applikanti ta’ dawn l-iskemi, u ma jinfurmawx lil xulxin dwar min ikunu rrifjutaw.