Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-korruzzjoni hi l-antiteżi tal-UE – Roberta Metsola

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Il-korruzzjoni hi l-oppost tal-valuri li tirrapreżenta l-Unjoni Ewropea, u għalhekk il-Parlament Ewropew hu mħasseb dwar dak li qed jiġri fir-Rumanija. Dak li jseħħ f’Bukarest jinħass il-Belt Valletta, u għalhekk, ebda pajjiż ma jista’ jibqa’ għaddej qisu l-Unjoni Ewropea ma teżistix, jew li jiddeskrivi t-tħassib bħala ‘fake news’.

Dan qalitu l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Presidenza Rumena għas-sitt xhur li ġejjin. Bħala l-Koordinatriċi tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u Intern, Roberta Metsola qalet li post ir-Rumanija għandu jkun fiċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari f’perjodu fejn qed imexxi l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew. “Il-Presidenza għandha tkun ta’ eżempju għall-valuri Ewropej kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea, iżda anke mal-bqija tad-dinja,” qalet Metsola.

L-MEP Maltija sostniet li l-poplu Rumen hu kburi li hu ċittadin Rumen, iżda wkoll kburi li hu Ewropew, u għalhekk l-Unjoni Ewropea tfisser protezzjoni u garanzija tal-istess valuri. “Il-Parlament Ewropew se jibqa’ jiddefendi dawn il-valuri u se jibqa’ jkun viċin il-poplu Rumen, u l-popli l-oħra Ewropej,” insistiet Roberta Metsola.