Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

L-NGOs u l-Kunsilli jingħaqdu mal-Oppożizzjoni fi kritika għall-Gvern li jrid jagħti art pubblika lill-Corinthia

Numru kbir ta’ għaqdiet, gruppi tar-residenti u tliet Kunsilli Lokali kitbu lid-deputat laburista Alex Muscat, Chairman tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, sabiex jitolbu għal laqgħa urġenti tal-Kumitat dwar il-konċessjoni imminenti ta’ drittijiet fuq l-art u l-ambjent lill-grupp Corinthia (IHI).

Huma qalu li l-iskop, it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ ftehim jew konċessjoni bħal din se jkollhom riperkussjonijiet fuq il-partijiet interessati, il-pubbliku u l-ambjent naturali, u li dawn ir-riperkussjonijiet se jkunu diretti u se jimpattaw il-kwalità tal-ħajja.

Il-pressjoni qed issir fost l-oħrajn mill-Kunsilli ta’ Pembroke, is-Swieqi u San Ġiljan.

Skont il-Konvenzjoni Aarhus, li ġiet iffirmata u irratifikata mill-Gvern Malti, huwa prinċipju stabbilit li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi stadju fejn l-għażliet kollha għadhom miftuħa, huwa rekwiżit meta decizjoniet daqshekk importanti jkunu qed jittieħdu.

Qalu wkoll li l-pubbliku għandu dritt ikun jaf jekk l-istudji meħtieġa għal żvilupp daqshekk massiċċ sarux u ġewx konklużi.

Għalkemm din mhijiex applikazzjoni għal żvilupp, l-abbozz tal-ftehim mal-Corinthia jirreferi għar-reklamazzjoni ta’ qiegħ il-baħar u fatturi oħra li, fil-prattika, jagħmlu l-kisba ta’ permess għall-iżvilupp bħala fait accompli.

Minħabba li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim huwa imminenti, l-għaqdiet, il-gruppi tar-residenti u l-Kunsilli Lokali talbu għal laqgħa urġenti tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, bil-preżenza tal-entitajiet involuti f’din il-konċessjoni, sabiex id-dritt tal-pubbliku li jkun infurmat, u l-iskrutinju meħtieġ, ikunu żgurati.