Lokali

L-MDA twaqqa’ l-argumenti ta’ Muscat dwar l-art mogħtija f’San Ġiljan

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ipprova jirredikola l-kritika ħarxa li qed issir fil-konfront tiegħu u tal-Gvern li jmexxi għall-mod kif għadda medda kbir ta’ art f’San Ġiljan lill-Grupp Corinthia.

Minflok ma wieġeb dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li jgħaddi din l-art għal ftit miljuni minflok €800 miljun, Muscat ipprova jqabbel dan l-iżvilupp ma’ meta kienet ingħatat art biex tinbena SmartCity.

Iżda li ma qalx il-Prim Ministru hu li ż-żona fejn illum hemm SmartCity kienet art mitluqa fiż-żmien meta sar dak il-ftehim, b’fabbriki mkissra, żoni żdingati u b’valur baxx immens. Għaldaqstant, proġett bħal dak żgur li għen biex il-prezz jitla’ ‘l fuq fiż-żona qrib.

Min-naħa l-oħra, hu fatt magħtuf li l-prezz taż-żona li ta dan il-Gvern f’San Ġiljan diġà hu ħafna ogħla.

Min-naħa tiegħu, il-Perit Stephen Farrugia, mill-Kumitat Tekniku tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA), stqarr fuq l-Istazzjon tal-Istat li bħala għaqda, tibqa’ mħassba għall-proċess kif se tigi mgħoddija din l-art.

Dwar dan, Muscat baqa’ jinsisti biss li l-proġett hu bżonnjuż, filwaqt li ddefenda wkoll il-proċess ta’ valutazzjoni. Iżda l-Perit Stephen Farrugia tenna li meta tibda tilgħab mas-suq u mal-prezzijiet, dan jista’ jwassal għal xenarju mhux ġust għal żviluppaturi oħrajn.

Filwaqt li rrefera għall-fatt li fl-aħħar xhur kien innotat ‘slow-down’ fuq il-bejgħ tal-propjetà, l-MDA sostniet li l-proċess tal-valutazzjoni għandu jirrifletti l-użu tal-art illum u kif proġettat.

Sadantitant, għadha għaddejja wkoll pressjoni qawwija minn numru ta’ għaqdiet u Kunsilli Lokali, ħalli tissejjaħ laqgħa urġenti tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent, hekk kif inghaqdu wkoll mal-kritika tal-Oppozizzjoni kontra l-għoti ta’din l-art pubblika.