Lokali

Pressjoni biex tinħeba l-verità dwar Neville Gafa

Ninsab żgur li hemm pressjoni kbira biex il-verità dwar Neville Gafa ma toħroġx, fosthom anke bid-difiża estrema tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Dan qalu Ivan Grech Mintoff, il-Mexxej ta’ Alleanza Bidla, li waqt il-programm NET Live tkellem dwar l-aħħar żviluppi fil-każ ta’ libell li Neville Gafa stess fetaħ kontra l-Editur ta’ gazzetta lokali.

Grech Mintoff qal li hemm ħafna taħwid dwar jekk Gafa marx il-Libja bħala special envoy tal-Gvern Malti. Irrefera għat-13-il-persuna li għamlu karta uffiċjali, bi tlieta minnhom intagħżlu biex jitkellmu f’isem l-oħrajn ukoll, b’affidavit fejn kull wieħed minnhom jispjega xi ġralu.

Fost l-oħrajn, semma’ l-każ ta’ wieħed mil-Libjani, li jispjega kif spiċċa tilef riġlejh minħabba feriti li kien ġarrab. Madankollu, hu kien avviċinat minn Neville Gafa u nies oħra madwaru biex iħallashom €2,500 … inkella jitkeċċa minn Malta. U għax dan il-Libjan qalilhom li ma kellux minfejn iħallas dawk il-flus, fil-fatt spiċċa tkeċċa mill-pajjiż bil-ġerħa friska u d-demm ħiereġ.

Dawn il-każi ilhom jiġu rrappurtati tliet snin u issa wasal iż-żmien li dawn il-Libjani jitkellmu mal-Qorti Maltija, qal Ivan Grech Mintoff. Kien f’dan l-istadju li nnota kif il-Pulizija qatt ma nvestigaw dawn l-akkużi għax jemmen li kienu twaqqfu milli jagħmlu dan.

Dan kien ikkonfermat ukoll lil Grech Mintoff mil-Libjani, li ppruvaw ikellmu fost l-oħrjan lill-Gvern Malti u lill-Korp, iżda ħadd ma ta kashom. Din it-tema se tkun diskussa f’aktar dettall fil-jiem li gejjin permezz ta’ analizi mill-programm Sorsi Infurmati.