Sport Sport Ieħor

Serena Williams qrib is-semifinali iżda spiċċat eliminata

(Ritratt: EPA)

Serena Williams falliet erba’ match points u spiċċat eliminata mill-Open tal-Awstralja minn Karolina Pliskova li rebħet sitt logħbiet fi kwarti tal-finali drammatika. L-Amerikana ta’ 37 sena kienet 5-1 minn fuq fis-set deċiżiv iżda spiċċat tilfet 6-4, 4-6, 7-5 f’Melbourne biex ġiet posposta x-xewqa tagħha li tirbaħ l-24 Grand Slam.

L-eks numru wieħed Pliskova se tilgħab kontra l-Ġappuniża Naomi Osaka fis-semifinali, bis-semifinali l-oħra tkun bejn Petra Kvitova tilgħab kontra s-sorpriża Danielle Collins. In-nuqqas ta’ Williams li toħroġ rebbieħa fissret li mhux se sseħħ ir-ripetizzjoni tal-finali tal-Open tal-Istati Uniti meta kienet tilfet kontra Osaka f’partita kontroversjali.

Bħal Osaka, Pliskova se tilgħab is-semifinali tal-Open tal-Awstralja għall-ewwel darba. Hi tinsab rebħa bogħod milli tilgħab fit-tieni finali tagħha fi Grand Slam, wara li kienet tilfet kontra Angelique Kerber fil-finali tal-Open tal-Istati Uniti fl-2016.

Pliskova kienet set minn fuq u 3-2 qabel il-bilanċ qeleb favur Williams u r-rebħa dehret formalità wara li rebħet disa’ mill-għaxar logħbiet. Pliskova qalet li Naomi Osaka hi perikoluża iżda saħqet li m’hemm ħadd perikoluż aktar minn Serena Williams.