Minkejja li l-Partit Laburista ilu sitt snin fil-Gvern u jinsab fit-tieni leġislatura tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Housing Roderick Galdes ipprova jiġġustifika l-fatt li s’issa għadu lanqas imqar tela’ appartament wieħed tal-housing soċjali – aħseb u ara xi blokka ta’ appartamenti – billi qal li bini bħal dan ma jitlax mil-lum għal għada.
Fin-nuqqas ta’ bini ta’ aktar housing soċjali, is-Segretarju Parlamentari Galdes stieden lill-media u lil rappreżentanti ta’ għadd ta’ Kunsilli Lokali biex jgħid li l-Gvern se jkun qed jiddedika flus biex jirranġa blokok li diġà jeżistu.
Fil-verità, il-Gvern se jkun qed jiddedika €150,000 biex jitranġaw 30 blokka madwar Malta – jiġifieri medja ta’ €5,000 biss għal kull blokka ta’ appartamenti li jintużaw għall-housing soċjali. Kien hu stess li matul l-attività spjega li dawn il-flus se jintużaw biex titranġa l-faċċata jew xi parti oħra mill-blokok, fosthom l-irranġar ta’ grampuni jew żebgħa.
Jidher li din hi l-unika soluzzjoni li dan il-Gvern sab għal din il-pjaga soċjali, tant li l-membru fil-Kabinett responsabbli minn dan is-settur ipprova jiddefendi billi qal li bini bħal dan ma jitlax mil-lum għal għada.
Roderick Galdes ħassu skomdu jgħid lil NET News kemm huma l-persuni li s’issa għadhom fil-waiting list għall-housing soċjali. Minflok ma ta risposta ċara, hu qal li diġà kien ta tweġiba fil-Parlament. Iżda meta mistoqsi biex jagħti ċifra ezatta, kellu jammetti li l-ammont għadu l-istess bħalma kien fl-aħħar snin.
L-istess attività kienet indirizzata wkoll mill-Ministru tal-Familja Michael Falzon, li rringrazzja partikolarment lill-Awtorità tad-Djar li identifikat għadd ta’ lokalitajiet li jaqgħu fid-distrett elettorali tiegħu.
Min-naħa l-oħra, hu ħassu skomdu għall-mistoqsijiet ta’ NET News dwar kemm-il blokka ta’ appartamenti kienu jinbnew – jew almenu jitranġaw – li kieku l-Gvern daħħal it-€800 miljun li suppost tiswa l-art li ta lill-Grupp Corinthia f’San Ġiljan. Il-Ministru tal-Familja qal biss li wieħed ma jistax jagħmel paragun.
Fi tmiem il-ġimgħa, diversi gazzetti rrapurtaw li dwar dan id-deal hemm nuqqas ċar ta’ qbil fil-Kabinett ta’ Muscat.
//= $special ?>