Id-difensur veteran Ingliż, Ashley Cole, qed jaħseb biex jirtira mill-futbol fl-aħħar tal-istaġun. Dan meta l-plejer ta’ 38 sena jinsab fuq il-kotba ta’ Derby County ta’ The Championship wara li hu, din il-ġimgħa, iddeċieda li jingħaqad mill-ġdid ma’ Frank Lampard, l-eks-kollega tiegħu ma’ Chelsea u l-manager attwali tar-Rams.
Cole, li s-sena l-oħra kien ħalla lill-klabb Amerikan Los Angeles Galaxy, hu l-aktar full-back Ingliż li rappreżenta pajjiżu fuq livell internazzjonali, fejn lagħab 107 logħbiet.
Sadanittant, hu informa lill-BBC Radio Derby li hu għadu jħobb ħafna l-logħba, iżda ‘fiżikament ma għadux dak li kien’. Dan meta Cole qiegħed jagħmel l-aħjar biex, fl-aħħar ftit xhur li fadallu bħala plejer, juża l-esperjenza li akkumula mas-snin biex jiggwida liż-żgħażagħ ta’ Derby u jibni l-moral tat-tim li qed jaspira għal ritorn fil-Premier League.
Cole kien beda l-karriera ma’ Arsenal li magħhom rebaħ żewġ kampjonati tal-Premier League u tliet FA Cups. Hu kien lagħab ukoll fil-finali taċ-Champions League tal-2006 li l-Gunners kienu tilfu ma’ Barċelona (1-2).
Intant, il-plejer, wara, ingħaqad ma’ Chelsea f’wieħed mill-aktar trasferimenti kontroversjali fl-istorja tal-Premier League u fejn ukoll kien parti minn storja ta’ suċċess. Dan fi żmien meta l-Blues rebħu kampjonat tal-Premier, erba’ FA Cups, League Cup u, fuq kollox, iċ-Champions League fl-2012 u l-Europa League fl-2013.
Wara li skadielu l-kuntratt ma’ Chelsea, Ashley Cole kien ingħaqad mal-klabb tas-Serie A, Roma, li magħhom dam għal sena u nofs qabel issieħeb ma’ Los Angeles Galaxy li jilgħabu fil-Major League tal-Istati Uniti.
//= $special ?>