Sport Sport Ieħor

Bernard Sammut ikompli jiddomina l-kampjonat Enduro

(Ritratt: Mario Micallef)

Bernard Sammut fuq Beta kompla jiddomina fil-kampjonat nazzjonali Wotomoto Enduro meta rebaħ it-tieni attività li saret f’barriera fil-Fawwara. Hu tejjeb il-ħin fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni kif ukoll fiż-żewġ heats tal-ġurnata u rnexxielu jikseb it-tieni rebħa tiegħu fil-kampjonat b’ħin ta’ disa’ minuti 0.908 sekondi. Sammut kien segwit minn Ian Scicluna fuq KTM b’ħin ta’ 9.55.019 sekondi filwaqt li fit-tielet post daħal Matthew Gauci fuq Beta b’ħin ta’ 9.55.411.

Il-maltemp li għamel bejn il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd għamel il-ġurnata ftit aktar diffiċli għall-parteċipanti minħabba li l-art kienet imxarrba aktar mis-soltu tant li kellhom diffikultajiet f’ċertu postijiet biex idawru l-mutur. B’kollox ħadu sehem 15-il kompetitur li nqasmu f’erba’ klassijiet fosthom dik tal-Juniors għall-ewwel darba.

Krist Falzon fuq Husqvarna rebaħ Klassi B b’ħin ta’ 10 minuti 21.886 sekondi segwit minn Gabriel Muscat fuq KTM f’10.24.642 u Aidan Camilleri fuq KTM f’10.33.182. Fi Klassi Ċ, Kyle Stone fuq KTM rebaħ il-klassi fi 12-il minuta 15.177 sekondi segwit minn Kurt Muscat fuq Yamaha f’12.33.998 u Mario Gatt fuq Honda f’18-il minuta 10.827.

Julian Scicluna fuq Oset li jaħdem bl-elettriku ħareġ rebbieħ tal-Klassi Juniors b’ħin ta’ 13-il minuta 40.557 segwit minn Antoine Muscat fuq KTM fi 17.35.693.

L-attività li jmiss tal-kampjonat Enduro ssir il-Ħadd 17 ta’ Frar bl-attività tibda fl-10.00am. Il-post jitħabbar aktar tard wara li jkunu ħarġu l-permessi neċessarji mill-awtoritajiet. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi Karozzi, b’email fuq info@asmk.org.mt jew fuq 99425489.

Tags