Internazzjonali

Ebda diskors tas-State of the Union għalissa

Il-President Amerikan Donald Trump ħabbar li ma kienx se jagħti d-diskors tradizzjonali magħruf bħala The State of the Union quddiem il-Kungress Amerikan. Dan sakemm tissolva l-kwistjoni tas-shutdown parzjali tal-Gvern Amerikan.

Dan wara battibekk li nqala’ ma’ Nancy Pelosi, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, li qalet li kien ikun għaqli li d-diskors ma jsirx minħabba s-shutdown għaliex bħala konsegwenza ta’ dan is-sigurtà ma tkunx tista’ tiġi assigurata u forsi kien aħjar jekk jagħmel id-diskors xi mkien ieħor minflok il-Kamra tar-Rappreżentanti. Eventwalment imbagħad infurmat lil Trump li sakemm jintemm is-shutdown, id-diskors ma setax isir.

Pelosi bħalissa hi l-avversarja ewlenija politika ta’ Trump u s-shutdown beda proprju minħabba t-tilwim li dawn it-tnejn għandhom dwar il-finanzjament tal-ħajt li jrid jibni Trump mal-fruntiera Messikana.
Id-diskors kien skedat li jsir nhar it-Tlieta 29 ta’ Jannar.

Is-shutdown ilu sejjer mit-22 ta’ Diċembru u qed jeffettwa mat-800,000 ħaddiem li huma bla paga sakemm jiġi approvat il-finanzjament tal-Gvern. Finanzjament li Trump irid li jinkludi wkoll dak għall-ħajt li jrid jibni. Filwaqt li mhux l-ewwel darba li fl-istorja Amerikana jkun hemm shutdown tal-Gvern, dan hu l-itwal li qatt kien hemm.