It-tniġġis tal-arja mit-traffiku tal-vapuri fil-Baħar Mediterran jista’ jitnaqqas sew jekk titwaqqaf Emission Control Area (ECA), skont studju li għadu kif ġie ppubblikat fi Franza.
L-istudju dwar l-impatt li jkollu żvilupp bħal dan, li nbeda fl-2017, investiga x’potenzjal ta’ titjib fil-kwalità tal-arja fir-reġjun jista’ jkun hemm kieku jibdew jintużaw fuels marittimi ta’ kwalità ogħla. L-istudju analizza wkoll il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi li dan iġib miegħu għal dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis fl-ispiża tas-saħħa u fid-dannu ambjentali. Ir-rapport juri kif it-trab fin (particulate matter, PM) jista’ jitnaqqas sa 20% waqt li l-livelli ta’ dijossidu tan-nitroġenu, NO2 (nitrogen dioxide) saħanistra jistgħu jonqsu sa 76%. Dan kollu jwassal biex jiġu ffrankati sa €14-il biljun fl-ispiża tassaħħa waqt li jistgħu jiġu salvati aktar minn 6,000 ħajja kull sena fir-reġjun.
Hu stmat li t-tniġġis tal-arja mill-vapuri jikkontribwixxi għal 40% tat-tniġġis tal-arja kollu fil-bliet kostali tal-Mediterran. Dan jirrappreżenta theddida sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent u għall-klima. Ir-raġuni prinċipali wara dan it-tniġġis huwa l-użu tal-heavy fuel oil, li fih ammont qawwi ta’ kubrit li minnu joħorġu emissjonijiet ta’ karbonju iswed, heavy metals, trab fin (primarju u sekondarju) u dijossidu tal-kubrit
(sulphur dioxide). Minħabba li l-elementi li jniġġsu jinġarru għal distanzi twal, ma jiġux affettwati biss ir-residenti li jgħixu fiz-zoni qrib il-baħar imma anke dawk li jgħixu aktar ’il ġewwa. Dawn ikunu soġġetti għal problemi tan-nifs kif ukoll infjammazzjonijiet u mard tal-qalb.
Il-konklużjoni prinċipali tal-istudju hi li r-reġjun igawdi l-aktar mill-ħolqien ta’ Sulphur Emission Control Area (SECA) u Nitrogen Emission Control Area (NECA). Hu stmat li ddijossidu tal-kubrit (SO2) jitnaqqas b’77% u fl-inħawi tal-portijiet anke b’100%. Il-livell ta’ NO2 jonqos sa 76% fiz-zoni kostali u fil-Lvant tal-Mediterran. Il-medja annwali ta’ particulate matter (PM2.5) tonqos b’bejn 15 u 20%. L-emissjonijiet fil-qasam tat-tbaħħir huma l-kaġun ta’ 50,000 mewt qabel iż-żmien kull sena fl-Ewropa u f’dak li għandu x’jaqsam mal-qasam tas-saħħa biss ifissru spiża annwali ta’ €60 biljun għall-Unjoni Ewropea (UE). Fir-reġjun tal-Mediterran waħdu, jekk jitnaqqas dan it-tniġġis, jistgħu jiġu evitati madwar 6,000 mewt qabel iż-żmien.
Charlotte Lepitre, Health Policy Officer tal-organizzazzjoni France Nature Environnement (FNE), qalet: “L-istudju juri l-ħtieġa li tinħoloq Emission Control Area fil-Mediterran. Il-Ministeru tal-Ambjent Franċiż issa għandu jieħu r-riedni f’idejh u jfittex li jiġbor l-appoġġ ta’ kemm jista’ jkun pajjiżi fil-Mediterran”. Janina Laurent, Policy Officer ta’ BirdLife Malta qalet: “Ir-riżultati tal-istudju jindikaw ċar li l-ħolqien ta’ ECA, skont standards tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), ikun ta’ benefiċċju kbir għar-reġjun tal-Mediterran u għaċ ċittadini tiegħu.
Id-dikjarazzjoni tal-Baħar Mediterran bħala ECA tkun tfisser li jiġu ffrankati bejn 8 u 14-il biljun ewro fl-ispiża tas-saħħa kull sena, għalkemm hu stmat li din tiġi tiswa madwar €1.67 biljun. Filwaqt li ħafna pajjiżi Ewropej – inkluż Malta – għandhom servizz tassaħħa pubblika li jilqa’ għall-mard li jġib miegħu t-tniġġis tal-arja, l-€14-il biljun huma spiża pubblika li l-piż tagħha jinġarr minn dawk li jħallsu t-taxxa. Min-naħa l-oħra, skont l-istudju, l-ispejjeż li huma stmati li tiġi tiswa ECA fil-Mediterran ikunu dovuti primarjament għal prezzijiet ogħla ta’ fuel aktar nadif – u din hija spiża li jkun meħtieġ li tinġarr minn dawk li huma responsabbli għat-tniġġis tal-arja fuq il-baħar.”
Beate Klünder, Transport Policy Officer tan-Nature and Biodiversity Conservation Union (NABU), sostna: “Qed naraw li l-ħolqien ta’ Emission Control Area għall-kubrit u nnitroġenu flimkien ikollu l-iktar impatt b’saħħtu għan-nies li jgħixu fiz-zoni kostali. Jekk il-gvernijiet jikkoperaw kif suppost, xi ħaġa bħal din tista’ tidħol fis-seħħ anke fl-2022.
Issa li hemm provi ċari tal-vantaġġi soċjo-ekonomiċi li dan ikollu, m’hemmx aktar skużi biex inkomplu nipposponu l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura. Aktar dewmien ifisser li aktar nies ikomplu jsofru aktar fit-tul milli huwa neċessarju u dan assolutament mhux aċċettabbli”.
Kemm l-FNE u n-NABU (is-sieħeb tal-BirdLife fil-Ġermanja), flimkien ma’ BirdLife Malta u għadd ta’ NGOs internazzjonali oħrajn, huma msieħba fil-proġett Flimkien kontra tTniġġis tal-Arja mill-Vapuri li għaddej b’kampanja biex iqajjem kuxjenza dwar it-tniġġis tal-arja mill-cruise liners fil-Mediterran bl-għan aħħari li tinħoloq ECA fil-Baħar Mediterran. L-imsieħba kollha f’dan il-proġett laqgħu l-konklużjonijiet ta’ dan l-istudju
li għadu kif ġie ppubblikat fi Franza.