Internazzjonali

F’dubju l-missjoni tal-UE fil-Mediterran

Kelliem għall-Gvern Ġermaniż qal li l-Ġermanja kienet għadha qed tistinka għal soluzzjoni Ewropea rigward il-ġejjieni tal-missjoni navali tal-Unjoni Ewropea barra l-kosta Libjana. Din il-missjoni ġiet imlaqqma ‘Operazzjoni Sophia’ u l-mandat tagħha jintemm f’Mar-zu li ġej.

Kelliem għall-Ministeru tad-Difiża Ġermaniż, fost ilmenti għall-pożizzjoni li adotta l-Gvern Taljan, qal li la darba l-vapur li għandha bħalissa fil-Mediterran, l-Augsburg, ikun wasallu ż-żmien biex jirritorna l-Ġermanja, ebda vapur ieħor ma kien se jeħodlu postu. Dan se jseħħ fis-6 ta’ Frar. Imma jekk ikun hemm bżonn, kellu jkun hemm vapur ieħor fil-Baħar tat-Tramuntana lest imur fil-Mediterran.

Hemm dubju kbir dwar x’se jiġri mill-missjoni navali tal-Unjoni Ewropea la darba jintemm il-mandat fil-31 ta’ Marzu. Dan hekk kif l-Italja qed tinsisti li l-mandat tal-Operazzjoni Sophia jinbidel biex l-immigranti ma jkomplux jiddaħħlu l-Italja biss u minflok jitqassmu madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.