Tkompli l-botta u risposta hekk kif għal darba’oħra l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne kkundanna l-kuntratt tal-procurement li sar fi żmien il-Ministru Konrad Mizzi, għall-akkwist ta’ apparat għat-tliet sptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – kuntratt li kien ingħata lill-kumpannija Technoline.
Fearne infatti qed jibqa’ jinsisti illi dan il-kuntratt jaqa’, f’dik illi tidher bħala sfida diretta lejn Konad Mizzi. Dan il-kumment qalu lill-midja fl-isptar Mater Dei hekk kif wieġeb xi mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Din hija dikjarazzjoni oħra ta’ Chris Fearne ta’ kundanna lill-Ministru Mizzi, li fil-leġislatura l-oħra kien Ministru tas-Saħħa.
L-istess Konrad Mizzi ftit tal-jiem ilu meta mistoqsi dwar dan kollu mill-ġurnalisti ta’ din il-kamra tal-aħbarjiet, huwa ħarab milli jwieġeb id-domandi.
Fl-istess waqt, il-Kap tal-PN Adrian Delia daħal il-Qorti biex jiddefendi l-aħjar interessi tal-poplu Malti u Għawdxi ħalli dawn it-tliet Sptarijiet Pubbliċi jirritornaw lura f’idejn il-poplu, kif xi darba kienu.
Kuntradizzjoni oħra
Intant, fl-istess indirizz Chris Fearne sostna li l-problemi li kien hemm fl-aħħar jiem fl-isptar kienu taħt kontroll u li huma kienu preparati. Dan jikkontradixxi dak li qalet l-MUMN dwar din is-sitwazzjoni fl-isptar, bis-sitwazzjoni tant tispiċċa insapportabbli, li kellha tkun hi li ssejjaħ laqgħa urġenti mal-Gvern.
L-MUMN temmen li jekk ir-residenti f’lokalitajiet differenti jkollhom servizz komplut fejn jafu li jistgħu jinqdew, jitnaqqas il-piż fuq l-isptar u jingħata wkoll servizz aħjar u iktar effiċjenti.
“Kieku jkollna servizz ħolistiku fil-komunità, dan l-influss u dan l-impatt jittaffa ħafna iktar milli qed inħabbtu wiċċna miegħu ukoll.” – Colin Galea Segretarju Ġenerali tal-MUMN.
Kompliet tikber ukoll il-problema ta’ nuqqas ta’ infermieri, li qed twassal biex il-professjonisti mediċi qed jaffaċċjaw pressjoni enormi ta’ xogħol u ħinijiet twal bla waqfien.
Fi żviluppi oħra, is-sitwazzjoni kaotika fl-isptar u fil-bnadi tal-istess sptar komplew fl-aħħar sigħat, bil-Kap tal-PN Adrian Delia jgħid fl-aqwa żmien qed nesperjenzaw pazjenti fil-kurituri u karozzi mwaħlin fit-traffiku biex jipprovaw jidħlu Mater Dei.
//= $special ?>