Lokali

FIL-QORTI: Keith Schembri jitlob biex ma jweġibx domandi dwar 17 Black

Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li għal diversi drabi ma tfaċċax il-Qorti sabiex jixhed u jwieġeb mistoqsijiet f’kawża li fetaħ hu stess, issa qed jitlob biex ma jweġibx domanda fuq 17 Black.

Permezz tal-Avukat tiegħu Edward Gatt, Keith Schembri qed jitlob lill-Qorti li ma jsirux domadi f’dan ir-rigward peress li kien is-6 ta’ Marzu, 2017 li Simon Busuttil kien tkellem dwar il-korruzzjoni fil-konfront ta’ Keith Schembri u l-istorja ta’ 17 Black kienet għadha mhux magħrufa.

Min-naħa tiegħu l-Avukat Peter Fenech li qed jidher għal Simon Busuttil qal li jekk Keith Schembri m’għandux x’jaħbi għandu jwieġeb għal kull domanda li ssirlu. “Kien l-istess Keith Schembri li fetaħ il-libell kontra Simon Busuttil, l-istess Keith Schembri li llum huwa magħruf li għandu kumpanija fil-Panama u li minnha jdaħħal €150,000.

“Din hija saga “ongoing u li għadha tiżviluppa sal-lum. Huwa ovvja li jekk min għamel il-libell ma jridx jixhed kollox, allura m’aħniex se niskopru affarijiet oħra,” qal l-Avukat Fenech.

Keith Schembri kien fetaħ kawża ta’ libell fil-konfront tad-Deputat Simon Busuttil, dak iż-żmien Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-1 ta’ April 2016, u dan dwar diskors li kien għamel l-istess Simon Busuttil fi protesta nazzjonali kontra l-korruzzjoni. Dan kien seħħ fil- perijodu meta faqqa’ l-iskandlu Panama Papers.

L-Avukati ta’ Schembri, Edward Gatt u Mark Vassallo informaw lill-Maġistrat Francesco Depasquale li skont il-liġi l-mistoqsijiet iridu jsiru abbażi ta’ dak magħruf sal-jum li fih għamel id-diskors Simon Busuttil. L-Avukat Gatt qal li mhux sew li jsiru domandi fuq dak li ħareġ wara dak inhar, għaliex inkella tkun qed issir “fishing expedition” min-naħa ta’ Simon Busuttil, li mhemmx dubju jkompli jiftħilha dwar dan il-każ. Huwa qal ukoll li r-rikors minn naħa tal-partijiet l-oħra qed jindika li Simon Busuttil mhux se jkun jixhed.

L-Avukat Peter Fenech qal li ma jaqbilx ma dan u kien qed jitlob lill-Qorti biex waqt l-eżami d-domandi jsiru mingħajr ċensura. Il-każ tal-Panama għadu għaddej sal-lum u kuljum toħroġ xi ħaġa ġdida u għalhekk hemm rabta mal-każ. Dwar ix-xhieda ta’ Simon Busuttil, dan kien l-ewwel wieħed li xehed f’dan il-każ.

Il-Maġistrat Depasquale aġġorna s-smiegħ tal-kawża għat-28 ta’ Frar li ġej biex jagħti digriet dwar it-talba ta’ Keith Schembri fuq id-domandi li għandhom isirulu.

L-aħħar darba li Keith Schembri deher fil-Qorti, kien propju dakinhar li nqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u Schembri kien is-suġġett ta’ dak li kellu jkun l-aħħar post fuq il-blog tagħha li ttella’ online ftit minuti biss qabel inqatlet ftit iktar minn sena u xahar ilu.

Minn dakinhar ‘l hawn, ħlief għas-seduta tal-Ħamis fejn għamel talba biex id-domandi jkunu ristretti, Keith Schembri qatt ma tfaċċa biex ikompli il-kawża li fetaħ hu stess.L-Avukati Pawlu Lia u Edward Gatt qed jidhru għal Keith Schembri filwaqt li l-Avukat Peter Fenech qed jidher għal Simon Busuttil.