Futbol Sport

FUTBOL: Real Madrid lura fil-quċċata tal-aktar klabbs sinjuri fid-dinja

Il-klabb Spanjol u champions tal-Ewropa, Real Madrid, ħadu lura l-post Numru Wieħed fil-lista tal-20 l-aktar klabb tal-futbol sinjuri, bi dħul rekord ta’ 750.9 miljun rekord.

Intant, Manchester United, sa ftit ilu l-aktar klabb fid-dinja li kien qed idaħħal flus, niżel fit-tielet pożizzjoni tar-Rich List imħejji minn Deloitte, u fejn qabżitha wkoll Barċelona.

Din hi l-ewwel darba mill-2014-15 li l-aktar żewġ tims sinjuri fid-dinja huma t-tnejn Spanjoli u meta l-Football Money League ta’ Deloitte — li jibbaża fuq l-istaġun 2017-18 — juri li l-ammont ta’ flus li daħħlu l-aqwa 20 klabb, fuq bażi kollettiva, żdied b’sitta fil-mija għal 8.3 biljun ewro, li hu rekord ġdid.
Intant, hemm sitt klabbs tal-Premier Ingliż ikkonfermati mal-Aqwa 10 Klabbs fil-lista ta’ Deloitte, li wkoll hu rekord għal pajjiż wieħed.

Il-lista ( it-22 waħda ta’ dan it-tip) jikkalkula biss id-dħul tal-klabbs u mhux id-dejn tal-istituzzjonijiet rispettivi. Intant, id-distakk bejn Real Madrid u Barċelona – bħala l-ewwel u t-tieni klabbs fir-Rich List – kien it-tieni l-akbar wieħed s’issa, meta l-Los Blancos, fl-istaġun li għadda, daħħlu 60.6 miljun ewro aktar mir-rivali Katalani.

Real Madrid, f’Mejju, kienu għelbu lil Liverpool, 3-1, fil-Finali taċ-Champions League li ntlagħbet fl-Ukrajna u dan għen biex il-klabb Spanjol – li qed jokkupa l-ewwel post fil-lista ta’ Deloitte għat-12-il darba – jiġġenera aktar flus minn tas-snin preċedenti.

L-ispinta fid-dħul ta’ Real mill-aspett kummerċjali hu ekwivalenti għal 54.8 miljun ewro, fost iż-żieda fid-dħul mill-isponsors u l-fatt li l-klabb ibbenefika bil-kbir mil-logħbiet u impenji kummerċjali ta’ qabel l-istaġun (pre-season). Hu minnu li Real Madrid, issa, għandhom l-akbar dħul kummerċjali (bi 356.2 miljun ewro) minn kull klabb ieħor madwar id-dinja, b’dan jikkontribwixxi għad-dħul ġenerali fuq livell dinji rekord.

Dan Jones, il-kap tas-sports business group ta’ Deloitte, qal li s-suċċess finanzjarju fenomenali ta’ Real Madrid għall-2017-18 jibbaża fuq l-istorja twila ta’ suċċessi għat-tim fl-ogħla livelli ta’ club football, u meta, minn dan l-aspett, jispikkaw it-tlett titli konsekuttivi taċ-Champions League mirbuħa mill-Madrileni.

Sadanittant, il-parti kbira tal-klabbs fl-ogħla għaxar pożizzjonijiet tar-Rich List għaddew għal mal-aħħar sittax taċ-Champions League għal dan l-istaġun u li qed jindika jerġa’ aktar introjtu għas-‘super-sinjuri’ tal-Ewropa.

L-Aqwa Ħamsa fl-aħħar lista ta’ Deloitte jinkludu Bayern Munich tal-Ġermanja (4) u ċ-Champions Ingliżi Manchester City fil-ħames post. Dawn huma segwiti ( f’din l-ordni) minn Paris St-Germain ta’ Franza u l-klabbs Ingliżi Liverpool, Chelsea, Arsenal u Tottenham. Sadanittant, il-klabbs Ingliżi l-oħra, Everton, Newcastle Utd u West Ham Utd qed jokkupaw, rispettivament, is-17, id-19 u l-20 post fir-Rich List tad-Deloitte.

L-għoxrin klabb rappreżentati f’din il-lista ġejjin mill-ħames kampjonati ‘kbar’ tal-Ewropa, bl-Italja jkollha erba’ (Juventus, Inter, Roma u Milan) waqt li l-Ġermanja bi tlieta (Bayern, Borussia Dortmund, Schalke 04), Spanja (li għandha wkoll lil Atletico Madrid) u Franza, permezz ta’ Paris St-Germain, jiffurmaw dan il-grupp esklussiv.