Futbol Sport

FUTBOL TALJAN: Piatek jissieħeb ma’ Milan mingħand Genoa

L-attakkant Pollakk Krzysztof Piatek, bla dubju wieħed mir-rivelazzjonijiet tal-istaġun fis-Serie A, ingħaqad ma’ AC Milan mingħand Genoa għas-somma ta’ 35 miljun ewro.

Piatek, li għandu 23 sena u li lagħab ukoll għal pajjiżu, qed jieħu post Gonzalo Higuain fl-attakk tar-rossoneri wara li l-Arġentin ( li kien misluf lil Milan mingħand Juventus) issieħeb mal-klabb Ingliż Chelsea, għall-kumplament tal-istaġun.

Piatek, li ffirma kuntratt ma’ Milan sal-2023, skorja 19-il gowl f’21 logħba mindu, f’Lulju, issieħeb ma’ Genoa mingħand Cracovia. Intant, hu sar l-ewwel plejer fis-Serie A li sab ix-xibka tmien darbiet fl-ewwel sitt logħbiet tiegħu f’dan il-kampjonat, mill-1949-50. Fil-preżent, il-Pollakk hu r-raba’ l-aqwa skorer tas-Serie A bi 13-il gowl.

Dan meta Milan jinsabu r-raba fil-kampjonat, b’distakk ta’ 22 punt mal-liders, Juventus.