Ambjent Lokali

Hemm ‘neċessità’ li jitneħħew is-siġar

Il-Gvern qed jgħid illi m’għandux għażla oħra ħlief li jkompli jaqla’ s-siġar għaliex hemm bżonn jitwessgħu t-toroq – din hi neċessita’.

Hi din l-ammissjoni tal-Ministru Jose Herrera, li f’kummenti lil dan l-istazzjon kien qed jirrispondi għall-kontroversja dwar mijiet ta’ siġar li tqaċċtu f’diversi nħawi madwar Malta u Għawdex.

Kummenti li jixhdu kif il-Gvern ma kellu l-ebda pjan qabel iddeċieda li l-ekonomija ta’ pajjiżna għandha tikber biss biż-żieda tal-popolazzjoni … liema deċiżjoni wasslet għal pressjoni fuq diversi setturi, inkluż l-ambjent.

Ammissjoni tal-Ministru li tasal biss ftit jiem wara li l-Kap tal-JobsPlus Clyde Caruana kixef il-pjan tal-Gvern li matul din is-sena biss irid iġib 13,000 ħaddiem barrani ieħor biex jiżdiedu mal-55,000 li diġà jgħixu f’Malta.

Ironikament… il-kummenti tal-Ministru waslu fi tmiem laqgħa organizzata mill-ERA dwar il-protezzjoni tas-siġar u l-imsaġar.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Herrera ftaħar li dan il-Gvern għandu għal qalbu l-protezzjoni tas-siġar f’pajjiżna … kumment li ironikament sar fl-istess waqt li madwar pajjiżna, diversi proġetti nazzjonali spiċċaw fil-lenti tal-kontroversja għall-massakru tas-siġar.

Issa, wara li mijiet ta’ siġar diġa nqerdu, il-Gvern qed jipproponi liġi dwar il-metodoloġija li għandha tintuża meta dawn jinqalgħu fi proġetti infrastrutturali.

Pajjiżna fil-preżent għandu 36 speċi protetta ta’ siġar, fosthom disa’ speċi li ġew miżjuda riċentament. Dan filwaqt li fl-aħħar żmien ittieħdet ukoll deċiżjoni li speċi bħall-Ewkaliptus ma tintużax iktar fi proġetti ta’ landscaping minħabba l-ħsara li din tikkawża u l-ammont ta’ ilma li tieħu.