Internazzjonali

Ikompli l-battibekk bejn’ Franza u l-Italja

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Franċiż qal li l-aħħar kummenti ta’ Matteo Salvini, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Intern Taljan, dwar Franza, kienu “inaċċettabbli”. Dan wara li Salvini stqarr li jittama li fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, l-elettorat Franċiż ma jagħżilx il-partit tal-President Franċiż Emmanuel Macron. Tul dawn l-aħħar ġranet kien hemm skambju ta’ kliem iebes bejn iż-żewġ pajjiżi, l-aktar min-naħa ta’ Salvini lejn it-tmexxija ta’ Macron, speċjalment rigward l-immigrazzjoni illegali. Agnes Von Der Muhll, il-kelliema għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, qalet li kien issejjaħ l-Ambaxxatur Taljan u kien imfakkar li kien hemm linji fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi li ma kellhomx jinqabżu jekk dawn għandhom jibqgħu tajbin. Dan wara li kien Luigi Di Maio, id-Deputat Prim Ministru Taljan l-ieħor, li kellu kliem iebes lejn Franza. Huwa akkuża lil Franza li ħolqot il-faqar fl-Afrika u l-immigrazzjoni tal-massa lejn l-Ewropa.