Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

IS-SEA WATCH LEJN L-ITALJA: “Mhux żmien il-logħob”

Daħlet fis-6 jum tagħha is-saga ta’ 47 immigrant li għal darb’oħra inqabdu f’nofs kwistjoni taħraq, bl-Italja tagħlaq kompletament il-port ta’ Lampedusa.

Matul il-lejl bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, is-Sea Watch 3, li fuqu hemm dawn l-immigranti, beda jbaħħar fid-direzzjoni ta’ Malta. Iżda kmieni l-Ħamis filgħodu l-vapur qabad ir-rotta lejn Katanja. Dan minkejja li l-Gvern Taljan qed iżomm iebes fuq il-fatt li l-portijiet kollha jinsabu magħluqin għad-dgħajjes tal-ngo’s.

Filfatt il-Ministru Taljan Matteo Salvini reġa’ tenna li dawn l-immigranti żgur li mhumiex se jidħu l-Italja. Hu lest li jagħtihom il-provvisti u l-mediċini li għandom bżonn iżda żgur mhux se jidħlu f’port fl-Italja.

Fuq Twitter, l-ekwipaġġ tas-Sea Watch irrakkunta kif qed isibuha diffiċli bil-maltemp li qed jaħkem il-Mediterran f’dawn il-jiem. “Mhux żmien il-logħob” kien il-messaġġ li għaddew lill-Kummissjoni Ewropea.

Intant…il-Viċi Prim Ministru Taljan qal li fid-dawl tat-temp ħażin, Malta għandha toffri kenn filwaqt li l-Olanda (fejn il-bastiment huwa rreġistrat) għandha tikkollabora ma’ Malta u Brussell biex tirċievi l-immigranti li hemm abbord.

Rapporti qalu li s-sindki ta’ numru ta’ bliet Sqallin, inkluż Palermo, kienu lesti li jospitaw lil dawn l-immigranti. Din id-deċiżjoni tpoġġihom f’konfront dirett ma’ dak li qal id-Deputat Prim Ministru u Mexxej tal-Lega. B’Salvini għal darb’oħra jinsisti li l-portijiet tal-Italja huma magħluqa.