Internazzjonali

Is-Sony se ċċaqlaq il-kwartieri ġenerali minħabba l-Brexit

Il-kumpanija Sony ħabbret li kienet se ċċaqlaq il-kwartieri ġenerali tagħha fl-Ewropa mir-Renju Unit lejn l-Olanda. Dan biex tevita l-intoppi minħabba l-Brexit.

Kelliem qal li t-trasferiment tar-reġistrazzjoni għandu jkun lest sa meta jseħħ il-Brexit, fid-29 ta’ Marzu, u r-raġuni ewlenija kienet biex ikunu evitati l-intoppi, speċjalment fil-qasam tad-dwana. Il-kumpanija Ġappuniża, lejn tmiem is-sena li għaddiet kienet diġà rreġistrat kumpanija ġdida fl-Olanda u issa l-ħidma tal-bażi ta’ Londra se tkun integrata fil-kumpanija li nħolqot fl-Olanda.

Is-Sony qalet iżda li ma kinitx se ċċaqlaq l-impjegati mir-Renju Unit u l-unika bidla sinifikattiva kienet se tkun ir-reġistrazzjoni legali tal-kumpanija għall-Ewropa.

Il-kumpanija avversarja, il-Panasonic, is-sena li għaddiet ċaqalqet il-kwartieri ġenerali Ewropej mir-Renju Unit lejn l-Olanda. Dan ukoll sar minħabba t-tħassib dwar x’se jġib miegħu l-Brexit, partikolarment fil-qasam tat-taxxa. Diversi kumpaniji ewlenin Ġappuniżi, fosthom l-MUFG, in-Nomura Holdings, id-Dai-wa Securities u s-Sumitomo Mitsui Financial Group qalu li qed jippjanaw li jċaqalqu l-bażi tagħhom mir-Renju Unit għal xi pajjiż ieħor wara li jseħħ il-Brexit.