Id-Direttiva mmexxija mill-MEP Malti David Casa tinkludi drittijiet ġodda għall-ġenituri u l-carers
Illejla, l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri qablu fuq Direttiva ġdida tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol, li se tipprovdi futur aqwa għaċ-ċittadini kollha Ewropej. Id-direttiva l-ġdida, mmexxija u nnegozjata mill-MEP Malti David Casa għan-nom tal-Parlament Ewropew, se tintroduċi drittijiet ġodda għall-ġenituri u carers Ewropej.
Id-direttiva l-ġdida se tintroduċi:
– 10 t’ijiem leave tal-missirijiet li jkun imħallas mhux inqas mill-livell tal-ħlas tal-leave tal-mard,
– 4 xhur ta’ leave tal-ġenituri li xahrejn minnu se jkunu mħallsa u mhux trasferibbli,
– id-dritt li jintalbu arranġamenti għall-ħidma flessibbli, u
– 5 t’ijiem leave tal-carers għal dawk li jridu jieħdu ħsieb il-qraba.
L-MEP David Casa, li hu wkoll il-Koordinatur tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, qal, “Illum hi ġurnata importanti għall-familji Ewropej. Ilħaqna ftehim fuq diversi drittijiet ġodda, mhux biss għall-ġenituri, iżda anke għal dawk li jridu jieħdu ħsieb il-qraba tagħhom. Matul in-negozjati, żammejna l-pożizzjoni tagħna soda u aġixxejna fl-interess tal-familji Ewropej. Dak li qbilna fuqu mhux biss se jsarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini tagħna, iżda se jżid il-produttività u jgħin biex jitnaqqsu d-differenza fost is-sessi fl-impjiegi, fil-pagi u fil-pensjonijiet. Nemmen li lħaqna bilanċ bejn id-drittijiet tal-impjegati u l-aspettativi ta’ min iħaddem.”
Hu esprima wkoll sodisfazzjon għall-fatt li kien MEP Malti li mexxa ‘l quddiem din id-direttiva importanti. “Minkejja li Malta hi l-iżgħar Stat Membru fl-UE, matul is-snin, urejna li kapaċi nwasslu r-riżultati u nintroduċu liġijiet ġodda li jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini kollha Ewropej, inkluż il-ġenituri u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin.” Hu spjega li n-negozjati kienu diffiċli; biex ikun assigurat li d-drittijiet il-ġodda ma joħolqux piż fuq min iħaddem, speċjalment għall-kumpaniji żgħar u medji. “Nixtieq nirringrazzja lill-unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, li ltqajt magħhom u li ħadt in konsiderazzjoni dak li qaluli.”
L-MEP David Casa ilu jaħdem fuq din id-direttiva minn Ottubru 2017, meta intgħażel bħala n-Negozjatur Ewlieni tal-Parlament Ewropew fuq id-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol, li hi waħda mill-aktar inizjattivi importanti tal-UE fis-settur tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali f’din il-leġislatura.
Il-pass li jmiss hu li l-Plenarja tal-Parlament tivvota fuq il-ftehim finali fil-ġimgħat li ġejjin. Wara, d-Direttiva għandha tibda tiġi addottata mill-Gvernijiet fl-Istati Membri kollha tal-UE.
//= $special ?>